Lokali

“Partit Nazzjonalista sod – b’ħidma tal-kollettiv” – Robert Arrigo

Ħidma sfieqa, sagrifiċju u esperjenza. Din hija r-riċetta tas-suċċess.

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma tal-Partit Robert Arrigo f’diskors li għamel f’għeluq il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fejn saħaq li kull wiegħda elettorali li għamel ġew imwettqa.

Huwa insista li minkejja li jinsab fl-Oppożizzjoni xorta waħda l-Partit Nazzjonalista ħass il-ħtieġa li b’kull mezz jgħin lill-poplu Malti u Għawdxi fejn saħansitra kien hemm persuni li gawdew minn rifużjoni ta’ flus wara l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista biex jinqata’ s-serq tal-Gvern mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Robert Arrigo sostna li l-Partit Nazzjonalista kompla bil-ħidma tiegħu ankè fuq il-midja tal-partit b’investiment serju u sod – b’titjib finanzjarju fejn saħansitra l-Partit Nazzjonalista għamel ukoll profitt.  

Huwa spjega li tul dawn l-aħħar xhur il-Partit ifforma l-Clusters ta’ Politika fejn minn hemm ġew xprunati diversi ideat u proposti – proposti li l-poplu diġà qed igawdi l-frott tagħhom.

Arrigo temm jgħid li pajjiżna jeħtieġlu Partit Nazzjonalista sod u dan jasal biss b’ħidma f’għaqda u rispett lejn xulxin.

Finalment huwa rringrazzja lil Francis Zammit Dimech u lil Ċensu Galea tal-ħidma tagħhom fil-Partit Nazzjonalista u feraħ lil dawk kollha li issa issieħbu fl-ogħla karigi tal-Partit.