Lokali

Tintemm il-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali u jibda l-għadd tal-voti

Ftit tal-ħin ilu ġiet fi tmiemha l-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex issa ingħata bidu għall-proċess tal-għadd tal-voti.

F’din l-elezzjoni il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista għamlu l-għażla tagħhom għar-rappreżentanti fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Elezzjoni bejn total ta’ 25 nominazzjoni għal 18-il post fil-Kumitat Eżekuttiv.

Din il-votazzjoni, li saret fid-Dar Ċentrali bdiet ilbieraħ, fejn ivvota wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Il-Kap tal-PN se jkun qed jagħmel diskors fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali li jiġi fi tmiemu llejla.

Fl-istess ġranet saret ukoll l-elezzjoni għall-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn f’dan il-każ l-elezzjoni hija waħda ta’ konferma. Mark Anthony Sammut mistenni jinħatar President tal-Kunsill Ġenerali hekk kif kien l-uniku persuna li tefa’ ismu sabiex timtela’ din il-kariga. Din il-kariga qabel kienet fdata f’idejn Ċensu Galea.

L-elezzjoni għall-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tikkonsisti f’erba’ listi: waħda bl-ismijiet taż-żgħażagħ, waħda tal-Għawdxin, lista tan-nisa u lista oħra tal-irġiel. Skond l-istatut tal-PN iridu jiġu eletti erba’ żgħażagħ, żewġ Għawdxin, 6 nisa u 6 irġiel.

Il-Kunsill Ġenerali bit-tema Nemmnu Fik, Fiduċja f’Malta jiġi fi tmiemu llejla. Dan se jsir fil-Barrakka ta’ Fuq, bil-President tal-Kunsill uxxenti Ċensu Galea jiftaħ l-aħħar sessjoni fis-6.00pm. Tul din l-aħħar parti tal-Kunsill, minbarra d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech… jitkellmu wkoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit David Agius u Robert Arrigom il-President il-ġdid, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit li wkoll se jkun qed itemm il-kariga tiegħu, Francis Zammit Dimech, u għadd ta’ kelliema mill-fergħat differenti tal-Partit.