Fl-aħħar sigħat ġew irreġistrati 195 każ ġdid ta’ Covid-19, hekk kif qed tkompli b’insistenza l-aħħar mewġa tal-pandemija li qed taħkem lil gzejjer Maltin fejn kellna żieda oħra ta’ kważi 200 każ. L-ammont ta’ każijiet totali minn Marzu 2020 ‘l hawn issa huwa 32,470, bl-aħħar jumejn rajna 401 każ ġdid.
Minn dak imħabbar mill-Ministeru tas-Saħħa, issa hemm 18-il persuna rikoverati l-isptar, b’persuna jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva.
Mill-206 każi mħabbra s-Sibt, 151 minnhom huma bejn l-10 u d-39 sena, bir-rata medja baqgħet dik ta’ 27 sena.
L-ammont ta’ persuni li sas-Sibt kienu infettati bil-Varjant Delta għadu mhux magħruf. Madanakollu hu mifhum li din l-aħħar żieda qawwija fil-każijiet f’pajjiżna hija dovuta propju għall-varjant Indjan.
Aħbar tajba hi li fl-aħħar sigħat fiequ 5 persuni mill-virus, biex it-total ta’ persuni li fiequ mill-imxija huwa dak ta’ 30,218.
S’issa ngħataw 723,299 tilqima, u 357,236 persuna huma mlaqqma kompletament.
Rapporti lokali qed jgħidu li kwart tal-Maltin li ġew infettati bil-Covid-19 baqgħu jsofru effetti tal-virus sa erba’ jew ħames xhur wara. Dan joħroġ minn studju li sar mill-kardjologu Caroline Magri.
Madwar 22% tal-pazjenti qed iħossuhom agħar wara li ħadu l-virus. L-istudju ġie ppubblikat fis-Sunday Times fejn figuri juru kif 77% tal-persuni intervistati li ħadu l-virus ma ħassew l-ebda effett.
L-għejja kien l-aktar effett komuni minn fost dawk li għandhom qed jħossu effett tal-Covid-19. Madwar 23 fil-mija qed iħossu qtugħ tan-nifs. Wieħed minn kull ħamsa qed ibatu minn uġigħ ta’ ras u uġigħ fis-sider. Mill-2,279 pazjent tal-Covid19 intervistati, 5 fil-mija ddaħħlu l-isptar.
//= $special ?>