Lokali

Abela diżappuntat bl-aġir tal-Gvern tiegħu stess

“Kont diżappunt ta’ dak li ġara”

Kien dan kliem tal-Prim Ministru Robert Abela dwar is-sitwazzjoni xejn pjaċevoli tal-greylisting li l-Partit Laburista fil-Gvern tefana fiha… b’riżultat li numru ta’ negozji ma jridux jinvestu iktar f’pajjiżna… turija ċara ta’ kemm il-Maltin qed jispiċċaw jitilfu l-impjieg tagħhom kif ukoll barranin li qed jitilqu minn Malta biex ifittxu xogħol f’pajjiżi oħra.

Waqt kollegament telefoniku li kellu l-Ħadd filgħodu fuq ir-radju tal-labour, Abela ħass li kellu jqatta’ l-maġġoranza tal-ħin tiegħu jattakka lill-Partit Nazzjonalista dwar is-sitwazzjoni tal-greylisting minflok ta serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin permezz ta’ pjan ta’ kif se joħroġ lil Malta mil-lista l-griża.

Abela tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’pajjiżna fejn qal li…

“is-sitwazzjoni taħt kontroll”

Anke minkejja li jum wara l-ieħor, il-każijiet dejjem qed jiżdiedu… bin-numru ta’ persuni rikoverati fl-Isptar Mater Dei wkoll qed jiżdied.

U dwar l-impjieg, Robert Abela qal…

“Investejna fin-negozji u n-nies”

Iżda stħarriġ li sar mill-NSO juri li l-ewwel kwart ta’ din is-sena ra żieda ta’ 1.1% fil-qgħad meta kkumparat mal-istess perjodu tal-2020. Dan ifisser li numru kbir ta’ persuni tilfu l-impjieg tagħhom.

Tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn insista li dan mhux piż anzi opportunità…

“L-ambjent hu ta’ prijorità għalina”

Iżda din id-dikjarazzjoni tistona mhux ftit meta pajjiżna ilu għal xhur sħaħ jara massakru ta’ siġar fost l-oħrajn fejn jidħlu l-proġetti ta’ Central Link fir-Rabat u Ħ’Attard, fis-Siġġiewi u f’Santa Luċija, fost oħrajn.

Matul dan il-kollegament Robert Abela għal darb’oħra naqas milli jitkellem dwar l-invesstigazzjonijiet li għaddejjin fil-konfront tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar… bil-Prim Ministru jiddeċiedi li jibqa’ sieket u ma jaġixxix quddiem dan kollu.