Internazzjonali

Covid 19: Il-Gvern Britanniku se jiddeċiedi dalwaqt dwar it-tilqim għall-persuni taħt it-18-il sena

Il-Gvern Britanniku, fil-jiem li ġejjin, għandu jiddeċiedi  jekk iż-żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena għandhomx jingħataw it-tilqima kontra l-Covid-19. Dan meta l-Ingilterra u l-Iskozja, mil-lum, għandhom inaqqsu r-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies fit-territorji tagħhom.

Is-Segretarju Britanniku responsabbli mill-Komunitajiet, Robert Jenrick, qal li l-Gvern tiegħu hu favur l-idea li t-tfal u adolexxenti bejn it-12 u s-17-il sena jingħataw it-tilqima — bir-Renju Unit jinsab għaddej b’kampanja biex irażżan kemm jista’ il-firxa tal-varjant Delta tal-coronavirus.

Kull persuna adulta fir-Renju Unit qed ikun offrut il-vaċċin, bil-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, isostni li dan hu ‘tragward straordinarju għal pajjiżu.

Madankollu, nhar il-Ġimgħa u s-Sibt kienu reġistrati ‘il fuq minn 50,000 każ ġdid tal-Covid ( għal kull ġurnata) meta l-livell attwali ta’ infezzjonijiet fil-pajjiż issa laħaq il-livell ta’ Jannar li għadda.

Sallum, madwar 88 fil-mija tal-popolazzjoni adulta Britannika ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid – b’68 fil-mija jingħataw iż-żewġ dożi neċessarji għall-protezzjoni kontra l-virus qattiel.

Fi żviluppi oħra, il-Prim Ministru Johnson u l-Kanċillier tal-Finanzi Britanniku, Rishi Sunak, se jgħixu l-jiem li ġejjin fi stat ta’ iżolament wara li spiċċaw f’kuntatt mal-Ministru tas-Saħħa, Sajid Javid, li ttestja pożittiv għall-Covid.

Johnson u Sunak, intant, biddlu d-deċiżjoni oriġinali wara li, qabel, qalu li kellhom jieħdu sehem fi skema pilota li tinvolvi testijiet ta’ kuljum għall-Covid minflok il-proċedura ta’ iżolament. F’din is-sitwazzjoni, il-Prim Ministru Johnson se jkun qed imexxi l-laqgħat b’sistema remota mir-residenza ta’ Chequers li tinsab qalb il-kampanja fil-villaġġ ta’ Ellesborough.

Sadanittant, il-Kanada qabżet lill-Istati Uniti fejn jidħlu rati tat-tieni doża tat-tilqima kontra l-Covid. Sa mis-16 ta’ Lulju, mad-49 fil-mija tal-Kanadiżi laħqu ħadu t-tilqima sħiħa kontra l-coronavirus – u meta sa dakinar għamlu l-istess madwar 48.05 fil-mija tal-Amerikani.

Jekk il-Kanada tkompli b’dan il-progress, il-pajjiż kapaċi jiftaħ il-fruntiera tiegħu lin-nies li jridu jivvjaġġaw mill-Istati Uniti wara għeluq ta’ sena u nofs.

Intant, l-osservaturi huma mħassbin dwar ir-ritmu tat-tilqim attwali fl-Istati Uniti fejn il-każi tal-Covid-19  ħadu spinta ġdida.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, naqas milli jilħaq tragward biex madwar 70 fil-mija tal-Amerikani adulti jitlaqqmu kontra l-virus sal-4 ta’ Lulju. Fl-istess ħin, mat-68 fil-mija tal-Amerikani minn 18-il sena ’il fuq ingħataw talanqas tilqima waħda kontra l-Covid.