Sport Waterpolo

Exiles jaċċertaw mir-rebħa kontra Ta’ Xbiex fl-aħħar sessjoni … rebħiet faċli għal San Ġiljan u Sliema

Rapport: Stewart Said

It-tliet logħbiet tal-Ħadd waranofsinhar fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq ikkonfermaw dak kollu li kien previst qabel il-logħob, jiġifieri rebħiet għal San Ġiljan Mercury Towers, Sliema Frank Salt u Exiles, bir-rebħa ta’ dawn tal-aħħar tasal b’aktar diffikultà.

Għalkemm Exiles ma kellhomx prestazzjoni mill-aqwa, mertu jmur għal Ta’ Xbiex Amigos li offrew sfida denja minkejja li hu tim miżgħud miż-żgħażagħ. F’mumenti fl-ewwel sessjoni, Ta’ Xbiex kellhom vantaġġ ta’ 2-1 sakemm Mark Fenech u Sean Xerri de Caro dawru l-vantaġġ favur Exiles. Mal-gowls ta’ Nicky Paris u Max Aquilina fit-tieni sessjoni, ħafna ħasbu li se tkun faċli għal Exiles. Iżda wara li kellhom vantaġġ ta’ 7-3, Zak Cutajar Licari u Daniel Rizzo naqqsu d-distakk għal żewġ gowls biss fil-ħin tal-mistrieħ.

Ta’ Xbiex baqgħu fil-logħba anki fit-tielet sessjoni hekk kif Daniel Rizzo wieġeb għall-gowl ta’ Nicky Paris, madankollu fl-aħħar sessjoni Exiles aċċertaw mir-rebħa. Timmy Sullivan, Sean Xerri de Caro u Max Aquilina kabbru l-vantaġġ għal 11-6. Jamie Pace Mizzi naqqas id-distakk għal Ta’ Xbiex.

Kontra Birżebbuġa Freeport, San Ġiljan qatt ma ħarsu lura minn meta kisbu vantaġġ ta’ 3-1 permezz ta’ tliet penalties skorjati minn Matthew Zammit, Andreas Galea u Dino Zammit. Id-distakk kiber għal 7-1 fit-tieni sessjoni u wara li Julian Farrugia naqqas il-vantaġġ, Keith Galea u Darren Zammit għamlu l-iskor 9-2. David Cutajar skorja t-tielet gowl għal Birżebbuġa qabel tmiem it-tieni sessjoni.

B’vantaġġ komdu, San Ġiljan ikkontrollaw mingħajr ma kienu spettakolari. Wara li fl-aħħar sessjoni, David Pace Lupi naqqas id-distakk għal 11-5, San Ġiljan skorjaw erba’ gowls mingħajr risposta permezz ta’ Matthew Zammit, doppjetta ta’ Mattias Ortoleva u Dino Zammit. Matthias Bonnici u David Cutajar skorjaw għal Birżebbuġa, biż-żagħżugħ Russell Caruana jissiġilla r-rebħa għal San Ġiljan.

Jekk il-Ġiljaniżi kisbu rebħa komda, aktar faċli kienet ir-rebħa ta’ Sliema Frank Salt fuq Otters Nivea. Fatt pożittiv għal Sliema kien li għajr il-gowlkipers, il-plejers kollha sabu x-xibka. Sakemm Claudio Spiteri Debarro qabbeż fuq Nicky Grixti u skorja l-ewwel gowl ta’ Otters, Sliema kienu diġà skorjaw ħames darbiet permezz ta’ Jamie Gambin, John Brownrigg, doppjetta ta’ Jerome Gabarretta u Zach Mizzi.

Sliema temmew it-tieni sessjoni 11-2, b’erba’ gowls konsekuttivi minn erba’ plejers differenti. Edward Meli naqqas il-vantaġġ għal tmien gowls iżda ħuh Mark Meli skorja għal Sliema. L-aħħar żewġ sessjonijiet, kienu wkoll dominati minn Sliema. John Brownrigg u Zach Mizzi skorjaw doppjetta kull wieħed fit-tielet sessjoni, biż-żagħżugħ Benji Cachia jiskorja tlieta mill-ħames gowls Slimiżi fl-aħħar sessjoni.

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…… 7

SAN ĠILJAN MERCURY……. 16

(1-3), (2-6), (1-2), (3-5)

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (1), N. Cassar, D. Pace Lupi (1), C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar (3), M. Bonnici (1), M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, G. Sammut

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea (2), D. Fero, R. Caruana (1), M. Zammit (3), B. Plumpton (2), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit (1), K. Galea (1), Di. Zammit (4), G. Vassallo, M. Ortoleva (2)

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

OTTERS NIVEA………………… 3

SLIEMA FRANK SALT……… 24

(1-6), (1-5), (0-8), (1-5)

Otters: M. Xerri, C. Spiteri Debarro (1), M. Farrugia, L. Hyzler, E. Meli (1), L. Gialanze, K. Scicluna, G. Mizzi, D. Dimech, C. Zammit, Z. Bartolo (1), O. Zammit, D. Spiteri, M. Farrugia, L. Dimech

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea (1), M. Meli (1), B. Cachia (4), N. Schiavone (2), M. Mifsud (3), J. Brownrigg (5), J. Gambin (2), Z. Mizzi (3), N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Referees: Neville Mercieca, Stefan Licari

TA’ XBIEX AMIGOS…………. 7

EXILES………………………….. 11

(2-3), (3-4), (1-1), (1-3)

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, R. Greco (1), Z. Cutajar Licari (1), J. Pace Mizzi (1), J. Cassar, M. Demarco, J. Saliba, J. Cutajar (1), K. Borg, S. Azzopardi, E. Schembri, D. Rizzo (3), A. Theuma, S. Engerer

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, S. Apap, P. Paris, T. Sullivan (2), S. Xerri de Caro (2), M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris (3), J. Bajada, M. Aquilina (3), D. Fenech, G. Borg, E. Micallef, M. Naudi

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

It-Tlieta

Grupp A: Marsaskala v Ta’ Xbiex  6.30pm

Grupp B: San Ġiljan v Valletta      7.35pm