Għawdex Lokali

F’sentejn il-poplu ħallas aktar minn €10 miljun fil-kirja tal-MV Nikolaos

Mis-7 ta’ Ġunju tal-2019 ‘l hawn, il-vapur MV Nikolaos ġie jiswa lill-poplu Malti u Għawdxi xejn inqas minn €10 miljun f’kirjiet.

Din l-informazzjoni ħarġet minn il-mument hekk kif dan il-vapur, antik u li mhux aċċessibbli għal kulħadd, hu r-raba’ vapur fl-iskeda tal-Gozo Channel u fil-verità għamel differenza pożittiva għat-traġitti bejn iż-żewġ gżejjer.

Iżda l-arranġamenti li saru għall-kirja ta’ dan il-vapur jixegħlu diversi bozoz u jqajmu għadd ta’ mistoqsijiet għaliex bil-flus li l-poplu Malti u Għawdxi qed ikun imġiegħel joħroġ ta’ kuljum fil-kirja tiegħu, il-Gvern faċilment kien jaqbillu li jikkummissjona l-bini tar-raba’ vapur li jkun wieħed modern jew inkella li jdur dawra mas-swieq internazzjonali u jixtri f’kundizzjoni ferm aħjar il-vapur meħtieġ għat-traġitti bejn iż-żewġ gżejjer. Mill-kummenti li ġabret il-gazzetta ntqal li hija tal-mistħija kif issa għaddew sentejn u l-Gvern baqa’ għaddej b’din il-kirja ta’ €13,000 kuljum u issa qed jirriżulta li ħafna drabi l-MV Nikolaos ma jitħaddimx b’mod regolari.

Ma tagħmel assolutament sens xejn li l-Gvern jikri vapur bħal dan u joħroġ mal-€4,745,000 fis-sena f’kirjiet. Dan il-vapur li għandu aktar minn 34 sena, qalulna li huma għadhom sal-lum ma jistgħux jifhmu d-deċiżjoni tal-Gvern li jikri vapur skadut li sa qabel ma bdiet il-kirja tiegħu, kien ‘abbandunat’ u mimli sadid kif juri ritratt li għaddewlna qabel ma fil-fatt inżebagħ għall-kuluri li għandu llum.

Ħaddiema li tkellmu magħna qalulna li kien hemm okkażjonijiet meta l-kumpanija naqqset l-iskeda b’mod drastiku u spiċċaw direttament batew ħaddiema tal-Gozo Channel li ilhom mal-kumpanija snin twal u dejjem taw l-aqwa servizz anke fi żmien li ma kienx hemm ħaddiema biżżejjed u fi żmien meta kellhom jagħmlu sagrifiċċji biex ilaħħqu max-xogħol.

Ikkummenta