“Possibbli li nagħmlu politika differenti, politika li tispira – possibbli li l-Partit Nazzjonalista jkun dak il-Gvern li inti dejjem xtaqt.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’għeluq il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista organizzat fis-Saluting Battery fil-Belt fejn insista li hu għandu fiduċja fil-Maltin u l-Għawdxin kollha u saħaq li jrid pajjiż ambizzjuż, pajjiż imsejjes fuq politika serja li twassal għal ġejjieni b’saħħtu.
Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista jinsab miftuħ sabiex jilqa’ fi ħdanu lil kull min huwa ta’ rieda tajba li jixtieq iġib il-ġid lil dan il-pajjiż.
“Aħna miftuħin biex nilqgħu fostna lil dawk kollha li bil-modi differenti tagħhom iridu jaħdmu biex javvanzaw il-kawżi li jemmnu fihom. Aħna lesti sabiex il-kawżi tagħkom isiru tagħna u nirrispondu għalihom kemm bħala Oppożizzjoni effettiva iżda aktar minn hekk bħala gvern alternattiv.”
Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa l-għodda tal-bidla li l-poplu Malti u Għawdxi huwa għatxan għaliha – bidla li verament tassigura futur aħjar għal uliedna, bidla mhux biss fl-individwi iżda ankè fil-mentalità.
“Din hija l-akbar missjoni tagħna fil-politika. L-aktar missjoni sempliċi iżda awtentika li jista’ jkollna. Dik li naraw li t-tfal tagħna, żgħażagħ Maltin u Għawdxin iċ-ċittadini ta’ pajjiżna, ikollhom ħajja aħjar milli kellna aħna.”
Bernard Grech insista li l-futur ta’ wliedna jeħtieġlu aħjar; jeħtieġlu aktar sikurezza ta’ investiment barrani, u ambjent aħjar iżda preżentament fuq rasna għandna l-inċertezza tal-greylisting u sfreġju ambjentali.
Huwa saħaq li l-missjoni tal-politiku trid tkun li jaqdi lill-poplu Malti u Għawdxi u mhux li ċ-ċittadini jiddependu mir-rieda ta’ xi Ministru.
“Il-Maltin ħaqqhom aħjar. Il-Maltin iridu aħjar. U aħna rridu nagħmlu sforz dejjem akbar biex inkunu kapaċi li nagħtuhom għażla aħjar.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel kuraġġ lil min lest isemma’ leħnu biex ma jibżax mill-persuni li jagħmlu pressjoni fuqhom fuq il-media soċjali hekk kif insista li ħadd ma jista’ jċaħdek mill-passjoni u l-intelliġenza tiegħek.
Bernard Grech saħaq li wasal iż-żmien li nerġgħu nibnu l-fibra soċjali, li niftakru fil-komunità u nsaħħu l-valur tar-rispett u mhux li noqogħdu lura milli nitkellmu għax nibżgħu minn xi vendikazzjoni politika fuq il-post tax-xogħol.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar ukoll il-pass meħud minn Chris Peregin fejn iddeċieda li jħalli kollox u jingħaqad mal-Partit għaliex jemmen bi sħiħ li, wara li fl-elezzjoni li għaddiet ivvota lill-Partit Laburista issa qed jisħaq li l-unika mod biex dan il-pajjiż jinbidel għall-aħjar huwa permezz tal-Partit Nazzjonalista.
Faħħar ukoll il-konferma ta’ President tal-Kunsill Ġenerali taż-żagħżugħ Mark Anthony Sammut – dan kollu wirja li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jiġġeded b’serjetà filwaqt li ħabbar li se jkunu qed jitniedu inizjattivi fl-irħula biex jitressqu aktar ideat.
“Fil-ġranet li ġejjin stennew aktar tiġdid stennew aktar tisħiħ. Dan li bdejna issa qed jagħti iktar enerġija. Momentum għall-bidla li għandna bżonn biex inbiddlu l-pajjiż. Jeħtieġ inbiddlu l-pajjiż għax fl-aħħar snin minflok immaturajna l-livell ta’ diskussjoni politika erġajna morna lura tletin sena.”
Dan filwaqt li saħaq li l-futur ta’ pajjiżna qed jistenna l-protagonisti u kull Malti u Għawdxi jistgħu jkunu l-protagonisti tal-ġejjieni tagħhom u għalhekk b’konvinzjoni taħdem u tissielet għal Malta aħjar.
“Aħna ser inkunu hemm biex niddefendukom. Aħna ser niddefendu l-libertajiet tagħkom. Intom li qed tħossukom waħedkom aħna ser inkunu hemm ma ġenbkom. Ser tibdew taraw dejjem aktar Partit Nazzjonalista li lest joħroġ għonqu għalikom. Dan għax aħna nemmnu fil-valur tal-persuna. Jiena nemmen li kull wieħed u waħda minnkom għandu valur importanti u li dak il-valur lesti tpoġġuħ għad-disposizzjoni tal-pajjiż.”
//= $special ?>