Lokali

Inawgurat xogħol ta’ restawr ta’ pittura mal-koppla tal-Bażilika Minuri ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara

Tlesta l-proġett ta’ konservazzjoni u restawr tat-tmien pitturi fuq il-ġebla tal-koppla tal-Bażilika Minuri ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €162,000, li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-proġett ġie inawgurat il-Ħadd filgħodu mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l-Prepostu Mons. Paul Vella.

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-pitturi tal-artist Taljan Virginio Monti sar wara studju tekniku dettaljat. Dwar dan tkellmet ma’ Net News Valentina Lupo, direttriċi tal-kumpanija Atelier del Restauro.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr, l-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-Knisja f’Malta għandha l-impenn kostanti li tħares il-patrimonju artistiku u reliġjuż li hu tant sabiħ.

Fid-diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li minbarra l-pitturi tal-koppla, sar ukoll restawr fuq il-lanterna, il-parti fejn hemm it-twieqi tal-koppla. Huwa rringrazzja lil Atelier del Restauro, EMCS, u lil Mark Sagona tal-kontribuzzjoni esperta tagħhom.

Il-pitturi tal-koppla tal-Bażilika Minuri ta’ Sant’Elena, li saru bejn l-1906 u l-1910, huma l-ewwel xogħol ta’ Virginio Monti f’Malta. Il-pitturi juru t-trijonf tas-Salib Imqaddes fil-Ġudizzju Universali u xeni differenti mill-ħajja ta’ Sant’Elena u binha l-Imperatur Kostantinu l-Kbir.