Lokali

“Irridu nkomplu naħdmu biex il-PN ikun il-vejikolu tal-bidla li hemm bżonn f’dan il-pajjiż” – Bernard Grech

“Irridu nkomplu naħdmu biex il-Partit Nazzjonalista jkun il-vejikolu tal-bida li tant hemm bżonn f’dan il-pajjiż”. Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt kollegament telefoniku fuq Net FM.

Bernard Grech qal wasal iż-żmien li jekk tassew irridu li pajjiżna jimxi ‘l quddiem u l-Maltin ikollhom Gvern li jixirilqhom u politika tajba li tagħmel ġid lil pajjiżna, irid ikun hemm ġirja bejn iż-żewġ partit dwar kif se jaħdmu l-aħjar għall-ġid ta’ pajjiżna.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jiġġedded u jilqa’ iktar nies fi ħdanu… nies li jridu jbiddlu l-pajjiż hekk kif huwa d-dmir ta’ kulħadd li flimkien naħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna.

Bernard Grech qal li Chris Peregin għamel għazla u ngħaqad mal-PN. Bniedem li telaq is-suċċess li għamel għax iddeċieda u fehem li huwa għandu dmir li jagħmel id-differenza għal pajjiżna. Huwa qal li hemm min għadu mhux komdu li jingħaqad mal-PN… il-wegħda tiegħu għal dawn in-nies hi li l-Partit għandu bżonn lil kulħadd u huwa partit li jilqa’ lil kulħadd. Bernard Grech qal li huwa importanti li naħdmu flimkien biex niksbu lura d-dinjità li pajjiżna tant jixraqlu.

Bernard Grech qal li nies bħal Censu Galea u Francis Zammit Dimech, illum qed jifhmu li għandhom jagħhmlu l-ispazju biex iktar nies jimlew funzjonijiet importanti fi ħdan il-Partit… iżda l-ħidma tagħhom xorta se tkompli.

“Bidla li qed tagħti l-opportunità biex aktar nies ikomplu jaħdmu… ħidma li tippermetti li jkun hemm nies ġodda iżda nies bħal Censu Galea u Francis Zammit Dimech jibqgħu jaħdmu u jagħtu l-kontribut tagħhom.” 

Bernard Grech qal fil-Partlament kien tkellem ċar li Robert Abela għandu bżonn, għall-ġid ta’ Malta, jiċħad il-legat ta’ Joseph Muscat.

“Ma nistgħux nibqgħu fid-dell tal-iktar politiku korrott. Jekk Abela mhux se jiċħdu, Abela qed juri li komdu b’Muscat u b’dak li għamel.”

Il-Kap tal-PN qal li sal-lum Abela għad ma kellux l-kuraġġ li jippubblika kopji ta’ ċerti kuntratti importanti. Kull ġurnata li tgħaddi tfisser ġurnata oħra li Abela qed jibqa’ fid-dell ta’ Muscat. Quddiem dan kollu, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalsita jrid ikompli jaħdem għall-interess ta’ Malta.

Dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, il-Kap tal-PN qal li din hi sitwazzjoni ta’ dieqa, li fi żmien fejn suppost kulħadd ikun qed jirrilassa, qegħdin nibdew nerġgħu ninkwetaw għax qed jogħlew in-numri. Dan huwa nuqqas ta’ Gvern li l-ewwel ġab studenti u ħallihom jagħmlu li jridu u issa mar għal estrem ieħor u daħħal fi kriżi nies oħra.  

“Jekk irridu nimxu ‘l quddiem għandna bżonn Gvern li jkollu par idejn sodi u jimxi fuq il-pariri tal-esperti u mhux joqgħod jesperimenta bis-saħħa. Il-Gvern irid ikun inqas supperv u arroganti u jrid jirrikonoxxi li kemm il-PN, l-esperti u l-imsieħba soċjali, għandu bżonn jikkonsultahom biex flimkien ngħelbu darba għal dejjem din il-pandemija.