Internazzjonali

L-għargħar fl-Ewropa: L-awtoritajiet għaddejjin bit-tindif, fost il-kalkoli tal-impatt katastrofiku

Ir-residenti u l-awtoritajiet fir-reġjuni tal-Ġermanja u l-Belġju li ġarrbu l-akbar impatt tal-għargħar terribbli tal-aħħar ġranet jinsabu għaddejjin bl-impenji tat-tindif fiz-zoni u d-distretti affettwati – u wara li bdew ibattu l-gliegel tal-ilma li kaxkru kulma kien hemm quddiemhom.

Fl-aħħar sigħat, l-iskala tal-ħsarat bdiet tidher aktar ċara, bl-iskwadri għall-emerġenzi jkomplu bit-tfittxija għall-vittmi tal-għargħar. Dan meta l-għargħar tal-aħħar jiem swew il-ħajja ta’ 180 persuna, b’ħafna oħrajn għadhom irrappurtati nieqsa. Fil-fatt l-awtoritajiet fil-Ġermanja u bnadi oħra tal-Ewropa ma eskludewx li ċ-ċifra tal-vittmi kapaċi titla fis-sigħat li ġejjin.

L-emerġenza tal-għargħar kompliet tinħass f’diversi partijiet tal-Ewropa fi tmiem il-ġimgħa, bil-qerda tiżdied bħala konsegwenza diretta.

Il-ħaddiema għall-emerġenzi fl-Awstrija rnexxielhom isalvaw diversi nies li spiċċaw iżolati fi djarhom fil-belt ta’ Salzburg, fejn il-livelli tal-ilma għarrqu diversi toroq. Dan meta f’siegħa waħda biss, niżlet aktar xita fuq il-belt ta’ Vienna, il-kapitali Awstrijaka, milli kienet niżlet matul is-seba’ ġimgħat preċedenti.

Intant, l-awtoritajiet fil-Ġermanja – fejn mietu talanqas 156 people fl-għargħar — huma preokkupati dwar l-effetti fl-inħawi ta’ fuq tal-Bavarja, wara li l-gliegel tal-ilma mlew numru kbir ta’ residenzi minbarra li faqgħu t-toroq prinċipali.

U l-uffiċjali fil-punent tal-Ġermanja qalu li l-d-diga ta’ Steinbachtal kapaċi ċċedi minħabba l-pressjoni tal-għargħar, bir-residenti jispiċċaw evakwati miz-zoni tal-madwar minħabba l-element kbir ta’ periklu.

Fl-istess ħin, l-Istati Ġermaniżi ta’  Rhine-Westphalia, Rhineland-Palatinate u Saarland kienu fost l-agħar affettwati mill-għargħar f’dan il-pajjiż, bl-osservaturi jfissruhom bħala ‘simili għaz-zoni ta’ gwerra’.

Fi żviluppi oħra, l-Armata fil-Belġju ntbagħtet lejn erba’ provinċji tal-pajjiż biex tgħin bil-ħidma tas-salvataġġ u l-evakwazzjonijeit tan-nies – u bil-Prim Ministru Belġjan Alexander De Croo jiddikjara l-ġurnata tat-Tlieta bħala Jum ta’ Luttu nazzjonali. De Croo tenna li l-għargħar li sewa l-ħajja ta’ mill-anqas 30 f’pajjiżu, kienu ‘l-aktar katastrofiċi li qatt laqtu lill-Belġju’.

Fl-istess ħin, il-mexxejja tal-Ewropa qed iwaħħlu fil-bidliet fil-klima għall-għargħar li fost oħrajn affettwa anki r-reġjuni fl-Iżvizzera u l-Olanda – u li l-impatt tiegħu nħass ukoll fil-Lussemburgu.

L-esperti meteoroloġiċi qalu li l-fenomenu tal-global warming kompla jżid il-potenzjal ta’ ħalbiet tax-xita ‘li rari rajna bħalhom qabel’ u wara li d-dinja diġà saħnet b’1.2 gradi Celsius addizzjonali mill-bidu tal-era industrijali.