Internazzjonali

Pakistan: Tinħataf it-tifla ta’ diplomatiku li spiċċat midruba

It-tifla tal-ambaxxatur tal-Afganistan għall-Pakistan inħatfet għal perjodu ta’ żmien minn aggressuri li ma kenux identifikati u fejn u anki spiċċat midruba.

Ir-rapporti qalu li Silsila Alikhil inżammet għal diversi sigħat wara li l-aggressuri ħatfuha f’ħin meta hi kienet sejra lura d-dar fil-kapitali Islamabad. Intant, il-Gvern Afgan qal li Alikhil spiċċat ‘vittma ta’ tortura’ filwaqt li ressaq ilment qawwi lill-awtoritajiet Pakistani. Dan meta r-relazzjonijiet tal-Afganistan mal-Pakistan ilhom is-snin għaddejjin mid-diffikultajiet u l-intoppi.

L-uffiċjali tal-Pakistan qalu li Silsila Alikhil, li għandha ‘il fuq minn 20 sena, kienet attakkata ‘minn grupp ta’ nies mhumiex identifikati’ li daħlu fil-karozza li kienet riekba fiha u fejn tawha xebgħa kbira. Hi, intant, inħelset mill-isptar fejn kellha tiddaħħal għall-kura. b’missiera, l-ambaxxatur, Najib Alikhil, ifisser l-aggrediment ta’ bintu bħala ‘ att inuman’.

Sadanittant, il-Gvern tal-Afganistan qed iħeġġeġ biex il-Pakisan, millum ‘il quddiem, jiggarantixxi s-sigurtà tad-diplomati u qrabathom fl-artijiet partikulari.