Internazzjonali

Covid-19: Jitneħħew ħafna mir-restrizzjonijiet legali għall-kuntatti soċjali fl-Ingilterra — bil-Prim Ministru Johnson iħeġġeġ għall-kawtela

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qed iħeġġeġ biex in-nies joqgħodu attenti u ‘juru sens ta’ responsabbiltà’ meta fl-aħħar sigħat tneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet legali għall-kuntatti soċjali fl-Ingilterra.

Minn issa ‘il quddiem ma hemm l-ebda limiti għall-ammonti tan-nies li jistgħu jattendu għall-avvenimenti – bin-nightclubs ukoll qed jifħu għan-nies. Fl-istess ħin, mgħadux neċessarju t-table service ( fejn wieħed bilfors irid jibqa’ bilqiegħda waqt li jaqduh il-membri tal-istaff) fil-pubs u r-ristoranti.

Filwaqt li hu rakkmandat biex in-nies jilbsu l-maskri tal-wiċċ f’ċerti zoni ristretti, dan mhux qed ikun rikjest bil-liġi. Intant. il-Ministru responsabbli mill-Vaċċini, Nadhim Zahawi, qal li l-esperti tal-Gvern irrakkmandaw biex ikunu vaċċinati ‘numru speċifiku biss’ ta’ persuni taħt it-18-il sena.

Bħalissa, il-Prim Ministru Johnson u l-Ministru tal-Finanzi Britanniku Rishi Sunak qegħdin jgħixu f’iżolament minħabba li kienu f’kuntatt ma’ membru tal-Kabinett li spiċċa infettat bil-Covid.

Hu minnu wkoll li l-Ministru Zahawi iddefenda d-deċiżjoni ta’ Johnson u Sunak biex jibqgħu iżolati wara li huma, qabel, qalu li kellhom jieħdu sehem fi proġett pilota li tinvolvi testijiet ta’ kuljum għall-persuni li setgħu spiċċaw infettati mill-kuntatti li kellhom ma’ xi ħadd marid bil-coronavirus.

Sadanittant, l-esperti qegħdin iwissu li l-każi tal-Covid fl-Ingilterra kapaċi ‘jisplodu’ ladarba tneħħew il-limitazzjonijiet għall-movimenti tan-nies u bil-ħajja soċjali tiftaħ għal kulħadd.

Numru ta’ xjenzati qed ibassru li l-infezzjonijiet fir-Renju Unit – li bħalissa laħqu medja ta’ 50,000 kuljum – kapaċi jitilgħu għal madwar 200,000 għal kull ġurnata aktar ma jidħol is-sajf.

Iżda l-fatt li mas-70 fil-mija tal-adulti Britanniċi tlaqqmu bis-sħiħ kontra l-virus iħalli ftit lok għal ottimiżmu, bl-analiżi relatata – jew modelling – tissuġġerixxi li għandhom jonqsu l-każi fejn persuni morda bil-Covid ikollhom jidħlu l-isptar għall-kura. Dan jgħodd ukoll għall-imwiet potenzjali mill-Covid li mistennija jkunu ħafna anqas mill-ammonti tax-xhur preċedenti.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Johnson enfasizza li ‘issa hu l-mument opportun’ biex l-Ingilterra tidħol fl-istadju finali tar-roadmap intiż biex il-pajjiż joħroġ mil-lockdown.

‘Jekk ma nieħdux dan il-pass issa, nispiċċaw nistaqsu lilna nfusna meta se jasal dan il-waqt wara daqstant xhur ta’ inċertezza u tensjoni’, saħaq Johnson. Intant, il-Prim Ministru fakkar li l-coronavirus ‘se jkollu l-ispinta tal-maltemp u l-kesħa warajh’ ladarba jidħlu l-istaġuni tal-ħarifa u x-xitwa.  

Boris Johnson, mill-ġdid, insista dwar il-ħtieġa għall-kawtela ‘u biex in-nies jiftakru dejjem li l-virus qiegħed fosthom’. Fl-istess ħin, hu aċċenna għall-fatt li l-każi ta’ infezzjoni qegħdin jiżdiedu, meta l-varjant tad-‘Delta’ spiċċa jinfetta lin-nies b’rata ferm aktar mgħaġġla mill-versjonijiet bikrija tal-Covid-19.

Min-naħa tiegħu, Nadhim Zahawi iddefenda l-għażla biex ‘l-Ingilterra tiftaħ mill-ġdid’ fejn fakkar li mad-90 fil-mija tal-aktar ċittadini vulnerabbli ngħataw it-tilqima. Hu sostna li ‘hu xieraq li n-nies jieħdu responsabbiltà personali f’din is-sitwazzjoni li tesiġi wkoll għall-miżuri li jinkludu l-ilbies tal-maskri’.

Zahawi u kelliema oħra għall-Gvern huma konvinti li qegħdin jagħmlu ħaġa tajba b’li javviċinaw il-ħajja normali kemm jista’ ikun u safejn hu possibbli . Fl-istess ħin, mistenni li t-tmiem tal-istaġun skolastiku għandu jnaqqas il-firxa tal-virus fl-Ingilterra matul il-jiem u l-ġimgħat li jmiss.