Coronavirus Internazzjonali

‘Freedom Day’ – il-Gvern Ingliż ineħħi r-restrizzjonijiet tal-Covid-19

Mil-lum, fl-Ingilterra, tneħħew il-limitazzjonijiet kollha dwar kemm jistgħu jinġabru nies flimkien, reġgħu fetħu n-nightclubs, filwaqt li fil-pubs u r-ristoranti mhux se tkun imposta r-regola li trid tibqa’ bilqegħda.

Lejliet li tħabbru dawn il-miżuri l-ġodda b’rabta mal-pandemija, il-Prim Ministru Boris Johnson xorta appella għall-kawtela. Il-maskri protettivi xorta huma rakkomandati f’ċertu postijiet, iżda mhux obligatorji bil-liġi.

Ħafna qed isejjħu din il-ġurnata bħala ‘Freedom Day’ wara xhur sħaħ ta’ lockdown.

L-awtoritajiet Ingliżi qed jinsistu li n-numri jisgħu jitilgħu iżda jemmnu li bil-programm tal-vaċċinazzjoni li hu wieħed avvanzat, inqas nies se jkunu jirrikjedu kura fl-isptarijiet jekk jinstabu pożittivi għall-Covid-19.

Intant fi Franza kien hemm protesti kbar fi tmiem il-ġimgħa wara li l-Gvern ta’ Macron daħħal restrizzjonijiet ġodda. L-awtoritajiet Franċiżi jinsabu inkwetati bin-numri tal-Covid li reġgħu tilgħin, u ma jridux li jidħlu f’mewġa oħra ta’ infezzjonijiet.