Lokali Qorti

Ġlieda fuq parkeġġ twassal raġel il-Qorti u l-ieħor jitlef suba’

Argument bejn żewġ residenti f’San Pawl il-Baħar fuq slot ta’ parkeġġ, possibbilment xprunat minn nuqqas ta’ ftehim fil-lingwa, swiet lil wieħed minnhom suba’ u lill-ieħor akkużat fil-Qorti. L-inċident seħħ il-Ħadd li għadda waranofsinhar għall-ħabta tat-3pm fi Triq il-Port Ruman, meta faqqa’ argument verbali bejn Miodrag Simonovic, sewwieq tat-taxi Serb ta’ 39 sena u raġel Malti ta’ 59 sena.

Is-sitwazzjoni allegatament eskalat hekk kif wieħed mill-irġiel insista li kien irriserva spazju ta’ parkeġġ għal trakk li kien mistenni jasal. L-argument verbali, possibbilment spiċċa skala minħabba l-barriera tal-lingwa bejn it-tnejn, li spiċċa bi ġlied u daqqiet u finalment, is-Serb allegatament spiċċa qata’ suba’ r-raġel l-ieħor permezz ta’ gidma.

Il-Pulizija ġew imsejħa biex jintervjenu. Irriżulta li r-raġel Malti sussegwentement ġie iċċertifikat li sofra ġrieħi gravi, filwaqt li s-Serb, li kien sofra wkoll swat, ittieħed fil-kustodja tal-Pulizija. Is-Serb wieġeb mhux ħati li fera gravi lill-vittma u kiser il-paċi pubblika.

L-avukat tiegħu tal-għajnuna legali, Daniel Attard, ressaq talba għall-ħelsien mill-arrest, billi argumenta li l-akkużat kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 11-il sena u kien ċittadin lokali li ma qatt ma’ kellu ebda problemi u fejn tidħol ksur ta’ liġi.

Ir-raġel ħadem għal kumpanija tat-trasport lokali għal dawn l-aħħar tliet snin waqt li kien jgħix f’akkomodazzjoni mikrija. Barra minn hekk, l-akkużat innifsu kien ġie attakkat, sostna l-avukat tiegħu. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri ma oġġezzjonax għat-talba, u spjega li l-akkużat sofra wkoll ġrieħi fil-ġlieda u possibilment tista’ tittieħed azzjoni kriminali kontra r-raġel l-ieħor li kien għaddej minn operazzjoni waqt li kienu għaddejjin proċeduri fil-Qorti.

Madankollu odni ta’ protezzjoni kontra l-akkużat u kundizzjonijiet stretti dwar il-pleġġ kienu meħtieġa u mitluba mill-Prosekuzzjoni. Wara li semgħet sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, laqgħet it-talba kontra depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ € 10,000, ordni biex jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija u jżomm ma’ curfew, dik li jkun id-dar sal-11pm u ma jħroġx qabel is-6am.

Il-Qorti ordnat ukoll lir-raġel biex ma javviċinax ix-xhieda tal-Prosekuzzjoni b’xi mod, u poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ protezzjoni, u spjegat li hu ma kellux jikkuntattja jew jagħti fastidju lill-allegat vittma qabel is-sentenza finali. Peress li r-raġel ma kellux biżżejjed fondi biex jiżgura l-ħelsien immedjat tiegħu, huwa ġie skortat lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm jista’ jsir kuntatt ma’ qarib li jista’ jagħmel tajjeb għalih bi ħlas ta’ € 1,000, u jiggarantixxi l-libertà personali tiegħu.