Il-Moviment Graffitti qed jitlob investigazzjoni fl-esproprijazzjonijiet li wettqet Infrastructure Malta wara li l-aġenzija għall-bini tat-toroq reġgħet inqabdet tidħol f’art ta’ bidwi f’Ħaż Żabbar mingħajr ma kellha ftehim mas-sid u mingħajr il-kunsens tal-Awtorità tal-Artijiet.
Jidher biċ-ċar li Infrastructure Malta qed taġixxi fi ksur tal-liġijiet rilevanti billi taqbad u tidħol fl-artijiet taċ-ċittadini mingħajr ma tiftiehem fuq l-esproprjazzjonijiet. Dak li ġara f’Ħaż Żabbar hu l-istess li ġara f’Ħad Dingli, u f’ħafna postijiet oħra fejn IM sempliċiment daħlet fl-artijiet tal-bdiewa, waqqgħet il-ħitan, ħarbtet il-ħamrija u l-ħxejjex, ksiet iż-żoni bit-tarmak u telqet mingħajr ma ħallset ebda kumpens.”
Il-grupp qal li Infrastructure Malta hija marbuta li ssegwi l-proċeduri tal-esproprjazzjoni kif stipulat mill-Awtorità tal-Artijiet, u l-valutazzjonijiet kellhom isiru u jiġu deċiżi minn din l-Awtorità. Madankollu, jidher li f’xi każijiet IM qatt ma bagħtet it-talbiet għall-esproprjazzjoni lill-Awtorità tal-Artijiet, u b’hekk is-sidien baqgħu mingħajr kumpens.
Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti għamel referenza għal intervista li ta riċentament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, li qal li “kien infurmat” li IM laħqet ftehimiet separati mas-sidien tal-artijiet “bħala mod kif jgħaġġel il-proċess.”
Madankollu, il-grupp wissa li Infrastructure Malta kienet qed toffri karta bi “ftehim” li kienet tinkludi valutazzjoni tal-art li għandha tiġi esproprjata. “Din il-biċċa karta ma għandha ebda valur, peress li l-liġi tistabbilixxi li l-art għandha tiġi vvalutata mill-Awtorità tal-Artijiet u mill-periti tagħha, mhux minn Infrastructure Malta. Kulmin qed jiffirma din il-karta qed jagħti l-aċċess lil IM sabiex tidħol fl-art tagħhom, iżda ma hemm ebda garanzija li din l-aġenzija tista’ tonora l-valutazzjonijiet miftiehma, peress li dawn huma responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet.”
“Ian Borg għandu jieqaf milli jiżvija lill-pubbliku dwar dan il-ftehim,” qal il-grupp. “Mhux veru li s-sidien kollha ffirmaw dan il-ftehim. Infakkru li Dr Borg u l-Ing Azzopardi kienu rrifjutaw l-ewwel laqgħa biex jiġu diskussi l-esproprjazzjonijiet ma’ xi sidien minn Ħad Dingli f’April li għadda, għax beżgħu li tinfetaħ dik li issa hija kaxxa ta’ Pandora.”
Il-Moviment Graffitti qal li qed jieħu parir legali u qed jistudja l-possibilità li jieħu azzjoni legali kontra l-aġenzija għall-bini tat-toroq u l-Kap Eżekuttiv Fredrick Azzopardi, li diġà qed jiġi investigat kriminalment minħabba li injora ordni mill-ERA u baqa’ għaddej bix-xogħlijiet f’Wied Qirda, f’Ħaż Żebbuġ, fl-2019.
“Borg stess fil-midja stqarr li ‘kwalunkwe parti mingħajr interess dirett’ tista’ tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti,” qal il-grupp. “Hu jgħid li jemmen fl-istat tad-dritt, u anke aħna. Għal darba, se nsegwu l-kelma tiegħu u qed nieħdu parir legali mill-avukati tagħna. Se nagħmlu mezz li nwaqqfu darba għal dejjem din is-sistema korrotta li permezz tagħha, l-istat, permezz tal-armata ta’ kuntratturi tiegħu, ikompli jisraq l-art agrikola u jkisser riżorsi ambjentali prezzjużi sabiex jibni toroq mhux meħtieġa mingħajr ma jagħti kumpens lis-sidien.”
Il-Moviment Graffitti talab ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiżgura li l-membri tal-Korp ikunu infurmati bil-proċeduri li għandhom jiġu segwiti minn IM fir-rigward tal-esproprjazzjonijiet.
“F’Ħad Dingli u f’Ħaż Żabbar, il-Pulizija immedjatament ħadet il-parti ta’ IM u emmnithom fuq kull punt. IM u r-rappreżentanti tagħhom gidbu lill-Pulizija meta qalu li kellhom il-karti kollha f’idejhom. Il-Pulizija ma għamlet ebda intervent biex tipproteġi liċ-ċittadini u tinvestiga l-kwistjoni, iżda minflok għażlet li temmen lil IM mingħajr ma rat ebda karta. Nemmnu li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa responsabbli miż-żamma tal-liġijiet, u li l-Pulizija għandhom id-dmir jintervjenu sabiex jipproteġu liċ-ċittadini minn dan il-bullying. Minflok, rajna lil Fredrick Azzopardi nnifsu jiġi skortat mill-RIU iżjed kmieni din is-sena minkejja li ma kien hemm ebda protesta. Il-Pulizija ma tistax tibqa’ tidher li qed tipproteġi lill-bullies.”
Il-grupp qed itenni t-talba tiegħu lill-pubbliku sabiex javviċinah bi kwalunkwe informazzjoni li jista’ jkollhom dwar l-esproprjazzjonijiet mhux imħallsa, u jitlob lis-sidien li ma rċevewx kumpens sabiex jikkuntattjaw lill-grupp.
//= $special ?>