Internazzjonali

Il-Ġermanja: Il-mejtin mill-għargħar jaqbżu l-170 fost is-sejħiet biex id-dinja tindirizza l-kriżi tal-klima

In-numru ta’ mejtin mill-agħar inċidenza ta’ għargħar għal ħafna snin fil-Ġermanja qabeż il-170, bl-awtoritajiet jistennew li ċ-ċifra tiżdied fil-jiem li ġejjin meta għad fadal ammont sinifikanti ta’ nies irrappurtati nieqsa.

Dan waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi baqgħu jfittxu fl-ibliet, qalb it-tifrik, bit-tama li jinstabu xi ħajjin fost ‘l-għexieren ta’ nies’ li ilhom ma jidhru għal ġranet sħaħ fost l-eqqel tax-xita u l-għargħar.

Il-ħalbiet tax-xita ‘kważi storiċi’ li laqtu lill-punent tal-Ġermanja matul il-ġimgħa li għaddiet damu aktar minn jumejn konsekuttivi – bir-riżultat li t-toroq u z-zoni residenzjali nfaqgħu mill-gliegel tal-ilma li laħqu ‘forza straordinarja’.

L-għargħar sussegwenti, sadanittant, kaxkar miegħu numru inkredibbli ta’ karozzi flimkien ma’ partijiet tad-djar, b’għexieren ta’ siġar jitqaċċtu mill-għeruq. Inqerdu wkoll ammont sinifikanti ta’ residenzi – b’ħafna vittmi jinstabu mejtin fil-kantini tad-djar mgħarrqin u b’oħrajn imutu wara li kaxkarhom l-għargħar qawwi.

Il-ħaddiema għall-emerġenzi ilhom il-jiem jevalwaw l-istat tal-bini fost l-impenji ta’ tindif fl-ibliet u l-villaġġi tal-pajjiż li ma qatgħu xejn mill-ġimgħa l-oħra ‘il hawn. Dan meta x-xita u l-għargħar ikkaġunaw ħsarat kbar fl-infrastruttura, bil-ħaddiema jippruvaw jirristawraw is-servizzi tal-gass, l-elettriku u tat-telefon għall-eluf ta’ residenti li ilhom mingħajrhom għal ġranet.

F’din is-sitwazzjoni traġika, il-pulizija qed jużaw anki l-bugħaddsa u numru ta’ speedboats biex jirkupraw katavri tal-vittmi minn diversi bnadi mgħarrqin.

L-aħħar rapporti kkonfermaw li mietu talanqas 117 fl-Istat ta’ Rhineland-Palatinate, b’madwar 50 vittma jmisshom l-istess destin fl-Istat ta’ Rhine-Westphalia u waqt li mietu wkoll numru mhux determinat ta’ nies fl-inħawi ta’ Bavaria.

Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Horst Seehofer u Armin Laschet, il-Kap tal-Istat ta’ Rhine-Westphalia u l-favorit li jilħaq Kanċillier tal-Ġermanja wara Angela Merkel, mistennija  jżuru l-inħawi ta’ Euskirchen li hi fost l-ibliet li ġarrbu l-akbar impatt tal-għargħar.

Dan wara li Merkel innfisha kienet żaret il-belt ta’ Schuld li spiċċat devastata mill-għargħar u fejn sejħet biex id-dinja ‘tħaffef l-isforzi biex tindirizza l-kriżi fil-klima’.

Wara dan id-diżastru, l-awtoritajiet fil-Ġermanja qegħdin jagħtu priorità assoluta lill-politika fir-rigward tal-bidliet fil-klima. Dan qabel l-elezzjonijiet ġenerali tas-26 ta’ Settembru fil-pajjiż li jġibu fi tmiem it-tmexxija ta’ Merkel li ilha fil-poter għal dawn l-aħħar sittax-il sena.