Lokali

Il-Kumitat dwar l-Istandards jibqa’ ma jafx meta se jiltaqa’ dwar ir-rapport fuq Rosianne Cutajar

Wara s-seduta ferm imqanqla ta’ nhar l-Erbgħa, il-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika jibqa’ kompletament fl-għama dwar meta se jerġa jiltaqa’.

Wara li l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler kien sab lid-Deputat Laburista u eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħatja ta’ ksur ta’ etika, fil-5 ta’ Lulju il-Kumtitat Parlamentari dwar l-istess standards tlaqqa biex jiddiskuti dan ir-rapport għall-ewwel darba. Dakinhar, fuq talba tal-membri tal-Oppożizzjoni, kien deċiż li dan ir-rapport ikun ippubblikat.

Iżda l-laqgħa ta’ wara ta’ dan il-Kumitat nhar l-Erbgħa li għadda, kienet waħda mqanqla. Meta mitluba jieħdu l-vot tagħhom dwar dan ir-rapport, il-membri tal-Gvern ivvutaw kkontrih filwaqt li l-membri tal-Oppożizzjoni approvaw ir-rapport. Kien għalhekk, li kellu jitfa’ l-casting vot tiegħu l-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, li vvota mal-Gvern.

Madankollu l-ispeaker qal li jrid li jsiru aktar investigazzjonijiet dwar il-każ ta’ Cutajar.

Il-membri tal-Gvern talbu li bħala xhieda jittella’ l-Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty – talba li l-membri tal-Oppożizzjoni aċċettaw filwaqt li minn naħa tagħhom talbu li jidher l-ewwel Charles Farrugia t-Tikka, il-ħabib ta’ Rosianne Cutajar li allegatament qasam magħha s-senserija.

Iżda l-membri tal-Gvern Glen Beddingfield u Edward Zammit Lewis oġġezzjonaw għal din it-talba, u qam kjass sħiħ, bl-ispeaker tal-Kamra jispiċċa joħroġ ‘il barra mil-laqgħa.

Issa, l-membri ta’ dan il-Kumitat għadu qed jistenna biex jingħata data ġdida għal meta se jkun qed jerġa’ jitlaqqa sabiex jiftiehem dwar kif se jkun qed jipproċedi bl-investigazzjonijiet li jrid jagħmel dwar ir-rapport ta’ George Hyzler fuq Rosianne Cutajar.