Lokali

“Il-U-Turns iħallu impatt negattiv fuq Malta” – MHRA

Is-sitwazzjoni għadha waħda kumplessa u kull nuqqas ta’ komunikazzjoni jew saħansitra U-turns iħallu impatt negattiv kemm fuq Malta bħala destinazzjoni għat-turisti kif ukoll fuq il-lukandi u r-ristoranti.

Sostniet dan l-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti fejn appellat lill-Gvern Laburista sabiex jaħdem aktar fil-qrib mal-istakeholders tal-industrija biex jaffaċċjaw flimkien problema li qed tħalli ħsara bla ebda preċedent kemm fuq l-ekonomija kif ukoll fuq ħajjet il-poplu.

Dan wara li l-ECDC għal darb’oħra poġġiet lill-pajjiżna fuq il-lista l-ħamra tal-ivjaġġar wara ż-żieda qawwija ta’ każi fl-aħħar ġimgħat, fil-maġġorparti tagħhom turisti u studenti barranin mhux imlaqqma.

L-MHRA appellat lil Gvern sabiex jiffoka l-policy tiegħu fuq in-numru ta’ persuni infettati li għandhom bżonn il-kura fl-isptarijiet lokali milli dawk li m’għandhomx bżonn jiġu rikoverati.

Madanakollu rrikonoxxu li biex Malta terġa tikseb isimha fuq il-Green List, l-ammont ta’ persuni infettati kollu jrid jonqoS,u dan għandu jseħħ malajr kemm jista jkun.

L-Assoċjazzjoni appellat mal-Gvern li hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema fl-industrija u għaldaqstant qed jitolbu sabiex jeżenta t-taxxa fuq l-over-time u dħul part-time tal-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu, ospitalità u vjaġġar.

L-MHRA insistiet li jekk immorru żmerċ f’din is-sitwazzjoni, ir-riperkussjonijiet jaf ikunu serji ħafna.

Intant l-Assoċjazzjoni saħqet li s-settur tat-turiżmu huwa l-qalb li jippompja d-demm ekonomiku tal-pajjiż.