Basketball Sport Sport Ieħor

Imut Louis Borg, eks President tal-MBA u l-MHA

Matul il-jum tat-Tnejn tħabbret il-mewt tal-eks President tal-Malta Basketball Association u l-Malta Handball Association Louis Borg fl-età ta’ 85 sena. Borg serva wkoll bħala Viċi-President tal-Kumitat Olimpiku Malti u kien ukoll Direttur Tekniku fi ħdan l-istess Kumitat fejn attenda f’dan l-irwol għal diversi Olimpjadi u Logħob tal-Mediterran.

Louis Borg kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Malta Basketball Association u kien ukoll fost dawk li introduċa l-logħob tal-FISEC fl-1967. Borg kien ukoll President tal-Malta Handball Association fejn okkupa din il-kariga sas-sena li għaddiet fejn kien ilu 25 sena.

Bosta persuni bagħtu l-kondoljanzi lill-familja Borg, fosthom il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Clyde Puli fejn f’isem il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Louis Borg filwaqt li rringrazzjah tal-kontribut li ta lejn l-isport.