Internazzjonali

Ir-Renju Unit u l-UE jakkużaw liċ-Ċina dwar attakk ċibernetiku

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea akkużaw liċ-Ċina dwar attakk ċibernetiku ‘sinifikanti’ li seħħ aktar kmieni din is-sena u fejn is-servers tal-Microsoft Exchange spiċċaw fil-mira ta’ hackers, f’sitwazzjoni li affettwat ‘il fuq min kwart ta’ miljun server madwar id-dinja.

L-UE  ħarġet stqarrija li ‘l-attakk kien ġej mit-territorji taċ-Ċina’ waqt li r-Renju Unit sostna li ‘numru ta’ protagonisti appoġġjati miċ-Ċina kienu responsabbli għall-attakk’. Kien mistenni li l-Istati Uniti wkoll toħroġ stqarrija ta’ kundanna fi żmien ta’ suspetti qawwija dwar ‘l-ispjunaġġ min-naħa taċ-Ċina’.

Il-pajjiżi qed jgħidu, sadanittant, li l-Ministru Ċiniż għas-Sigurtà tal-Istat hu responsabbli għal ‘diversi attivitajiet klandestini, inkluż l-ispjunaġġ’.

Għalkemm ir-Renju Unit u l-Istati Uniti ta’ spiss jiġbu l-attenzjoni għall-kampanji ċibernetiċi ta’ Stati oħrajn, il-fatt li l-UE akkużat direttament liċ-Ċina jindika l-gravità tal-każ inkwistjoni. Dan waqt li l-uffiċjali tas-servizzi sigrieti fil-Punent qalu li l-aġir taċ-Ċina f’dan il-każ ‘hu bil-wisq aktar serju minn kwalunkwe ħaġa oħra li seħħet fil-passat’.

Fir-Renju Unit, in-National Cyber Security Centre (NCSC) ħareġ il-pariri lil aktar minn 70 organizzazzjoni affettwati biex jieħdu l-aktar passi effettivi fil-konfront tal-attakk ċibernetiku. Dan wara li l-hackers sfruttaw nuqqas li permetta l-aċċess minn sistemi ċibernetiċi suppost protetti —  bis-sitwazzjoni jisfruttawha anki gruppi oħrajn ta’ hackers u fejn is-sistemi spiċċaw vulnerabbli għall-kriminali u l-attivitajiet ta’ spjunaġġ.