Internazzjonali

Kurt Westergaard: Imut il-karikaturist li qanqal ir-rabja tad-Dinja Musulmana

Kurt Westergaard, il-karikaturist Daniż li qanqal ir-rabja tad-Dinja Musulmana bit-tpinġijiet tal-Profeta Muhammad ( il-fundatur tal-Islam) miet fl-età ta’ 86 sena, wara marda twila. Westergaard kien ilu karikaturist mal-gazzetta Jyllands-Posten mill-bidu tas-snin tmenin u fl-2005  hu sar famuż madwar id-dinja għall-karikatura kontroversjali ta’ Muhammad li kienet stampata f’din il-gazzetta,.

It-tpinġija speċifika, fil-fatt, kienet l-aktar kontroversjali fost it-12-il karikatura pubblikati mill-gazzetta li riedet twassal messaġġ dwar ‘iċ-ċensura u l-kritika għall-Islam’. Il-karikatura famuża uriet lill-Profeta Muhammad liebes turban bil-forma ta’ bomba waqt li ġġenerat mewġa ta’ rabja fil-pajjiżi Musulmani.

It-tradizzjoni Iżlamika ma tippermettix tpinġijiet u xbigħat oħra ta’ Muhammad u ħafna Musulmani jikkunsidraw karikaturi bħal dawn bħala ‘insult kbir’ għar-reliġjon tagħhom.

Intant, il-karikaturi inkwistjoni kienu qanqlu dimostrazzjonijiet kbar ta’ protesta madwar id-Dinja Għarbija  fost l-attakki fuq numru ta’ Ambaxxati Daniżi madwar id-dinja u b’għexieren imutu waqt sensiela ta’ irvellijiet.