Lokali

L-MAPE tgħid li se tisfida l-liġi li għadda l-Gvern dwar l-inġiniera fil-Qorti

L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera Professjonisti se tkun qed tisfida l-liġi li ppreżenta l-Gvern b’rabta mal-professjoni tagħhom fil-Qorti Kostituzzjonali.

Dan wara li l-Gvern naqas għal kollox li jikkonsulta magħhom dwar tibdil fil-liġi li tirregola l-professjoni tal-inġiniera.

Filfatt l-assoċjazzjoni kienet oġġezzjonat għat-tibdil propost madankollu l-Gvern għadda romblu minn fuqhom u l-Ministru Ian Borg, għal raġunijiet magħrufa biss lilu, qalet l-assoċjazzjoni, baqa’ jimbotta din il-liġi difettuża.

Dan minkejja li l-istess assoċjazzjoni kienet fetħer mandat ta’ inibizzjoni dwar dan.

L-MAPE qalet li l-Oppożizzjoni kienet ivvutat kontra dawn l-emendi, iżda din il-liġi għaddiet xorta bil-maġġoranza tal-Gvern.

Issa, Ian Borg se jkollu jwieġeb għal dak li għamel fil-Qrati tenniet l-assoċjazzjoni.

L-MAPE qed tgħid li bl-emendi fil-liġi li jrid il-Gvern, il-Professjoni tal-Inġinerija kif ukoll is-soċjetà kollha Maltija se tkun qed tbati.

Qatt fl-istorja tal-Parlament Malti ma għaddiet liġi li dwarha kie hemm mandat ta’ inibizzjoni. Dan, qalet l-MAPE huwa każ bla preċedent.

L-Inġiniera qed jinsistu li la l-Ministru Ian Borg m’għażilx it-triq tar-raġun u s-sens komun, u minflok sfida ordni tal-Qorti, issa huma se jkunu qed jisfidaw din il-liġi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.