Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni għaldarboħra titlob diskussjoni urġenti dwar ir-rapport tal-FATF fuq Malta

Wara li l-ewwel talba għal diskussjoni urġenti dwar ir-rapport tal-FATF fuq Malta ġiet miċħuda miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, l-Oppożizzjoni qed terġa’ tagħmel talba għal diskussjoni.

L-ewwel talba tal-Partit Nazzjonalista għal diskussjoni fil-Kumitat dwar dan ir-rapport, ġiet miċħuda mid-Deputat Laburista Jean Claude Micallef, iżda l-ispeaker Anġlu Farrugia f’ruling li ta ftit tal-jiem ilu qal li deċiżjoni bħal din ma tistax titteħed miċ-Chairman waħdu iżda trid tkun deċiżjoni tal-Kumitat kollu.

Issa, l-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar reġa kiteb lil Jean Claude Micallef u talbu li ssir din id-dikussjoni.

L-FATF xahar ilu poġġa lil pajjizna fuq il-lista l-griża, Lista li fuqha jitpoġġew pajjiżi li jkollhom nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Madankollu sa issa l-Gvern qed jirriffjuta li jippubblika r-rapport li rċieva mingħand l-FATF u li juri fejn u għaliex falla l-Gvern Malti f’dan it-test.