Lokali

Mark Camilleri bi ktieb ġdid li fih “fatti ġodda dwar il-korruzzjoni tal-Gvern”

“Domt ftit naħsibha, għax dan il-ktieb se jikxef fatti ġodda, li sa issa ma ħarġux, dwar il-korruzzjoni u l-Gvern”.

Hekk kiteb f’post fuq Facebook Mark Camilleri, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fejn ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ ktieb ġdid.

Camilleri qal li l-fatti li se jiżvela fil-ktieb tiegħu jaf iwasslu għal arresti ġodda u għal investigazzjonijiet mill-Pulizija.

Bħalissa, jgħid Mark Camilleri, il-pajjiż jinsab nieżel fi preċipizju kemm politikament kif ukoll finanzjarjament hekk kif għaddej minn kriżi kemm fil-governanza kif ukoll fl-ekonomija.

L-eks delegat tal-Labour jgħid li l-politiċi Laburisti qed isibu refuġju fil-maġġoranza kbira li għandu. Il-valuri politiċi inqerdu u l-valuri progressivi tal-Partit Laburista qed jinxfu.

Camilleri temm jgħid li bħala membru tal-Partit Laburista jinsab imħasseb ferm dwar il-futur tal-pajjiż u tal-Partit u qal li jħoss li għandu jagħmel il-parti tiegħu biex inaddaf din it-tbażwira.