Lokali

Miġbura €729,275 fil-maratona Oħloq Tbissima b’riżq familji foqra

Fi tmiem il-ġimgħa is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl tellgħet il-maratona ta’ kull sena bit-tema Oħloq Tbissima li tulha nġabret is-somma sabiħa ta’ €729,275. Flus li se jagħtu tama għal futur aħjar lil eluf ta’ familji li qed jgħixu f’faqar kbir.

Dawn il-flus mistennija jitqassmu lil familji f’diversi pajjiżi fejn is-Soċjetà tagħmel xogħol missjunarju, fosthom il-Peru, il-Pakistan u l-Filippini.

Tul il-maratona ta’ 60 siegħa, li xxandret fuq id-diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni, inkluż Net Tv, wieħed seta’ jsegwi filmati u kollegamenti ma’ missjunarji li ta’ kuljum imissu mar-realtajiet ta’ dawn il-fammilji. Huma spjega kif eluf ta’ familji f’dawn il-pajjiżi, minbarra li ntlaqtu mill-pandemija, intlaqtu ferm ħażin ukoll mill-effetti tagħha għaliex bosta kienu dawk li tilfu xogħolhom. Dan tefagħhom f’faqar akbar milli diġà kellhom.

Il-fondi miġbura grazzi għall-ġenenoriżità tal-Maltin u l-Għawdxin tul tmiem il-ġimgħa, u grazzi wkoll għall-inizjattiva tal-MSSP, għaldaqstant se jkunu verament qed jagħtu tama ġdida għal dawn il-persuni.