Internazzjonali

COVID-19: L-Ewropa tikkonferma 50 miljun każ tal-virus mill-bidu tal-pandemija

L-Ewropa saret l-ewwel reġjun fid-dinja li kkonferma total ta’ 50 miljun każ tal-coronavirus mill-bidu tal-pandemija. Dan meta l-pajjiżi Ewropej qegħdin jirrappurtaw mal-miljun każi ġodda ta’ infezzjoni għal kull tmint ijiem, fost il-konferma li mietu kważi 1.3 miljun ċittadin ta’ dan il-kontinent bil-kawżi tal-pandemija.

Sadanittant, il-pajjiżi fl-Ewropa qegħdin jagħmlu l-almu biex jikkontrollaw il-firxa tal-varjant Delta tal-coronavirus li kapaċi jinfetta lin-nies aktar malajr mill-versjoni preċedenti tal-Covid-19.

Madankollu, il-firxa u konsegwenzi tad-Delta qegħdin jaffettwaw ħażin ħafna il-pjani tan-nies biex isiefru għall-btajjel tas-sajf, b’numru ta’ kumpaniji tal-ajru u tal-ivvjaġġar qegħdin isofru mill-ammont ta’ bookings li tħassru.

Spanja, il-Portugall, Ċipru u l-Greċja huma fost l-aktar pajjiżi li qed isofru l-effett negattiv fl-industrija tat-turiżmu.

U waqt li t-turisti barranin jistgħu jżuru l-Gżejjer Baleariċi ta’ Spanja, il-Gvern lokali mhux jippermetti li jsiru l-parties tard matul il-lejl minħabba r-rati għoljin ta’ infezzjoni f’dawk il-gżejjer.

Fil-fatt, kulmin jinqabad jattendi street party fiz-zona jista’ jispiċċa mmultat talanqas elf ewro, bl-awtoritajiet qegħdin jissikkaw il-miżuri tas-sigurtà fl-interess tas-saħħa pubblika. Dan waqt li r-rati ta’ infezzjoni fl-aħħar ġranet żdiedu sew fil-gżejjer ta’ Majorca, Minorca u Ibiza.

Min-naħa tagħha, Franza qed terġa’ tissikka l-miżuri fost raba’ mewġa tal-coronavirus. Dan meta r-rata ta’ infezzjoni issa telgħet sa 86 għal kull 100.000 ċittadin li jfisser qabża (fl-infezzjonijiet) ta’ 125 fil-mija f’ġimgħa waħda.

Sadanittant. L-abbozz ta’ liġi kontroversjali għal kontra l-Covid – fejn il-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa jridu bilfors jieħu l-vaċċin – mistenni jkun approvat mill-Parlament Franċiż din il-ġimgħa. Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li r-resorts maġenb il-kosta lejn in-nofsinar u l-punent ta’ Franza saru l-hotspots ewlenin tal-coronavirus.

Fi żviluppi oħra, Dominic Cummings, l-eks konsulent ewlieni tal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson, qal lill-BBC li Johnson kien aktar lest li jħalli l-Covid jinfirex madwar il-pajjiż milli jeqred l-ekonomija. Cummings sostna li Johnson, fil-ħarifa, ma kienx ħerqan li jissikka r-restrizzjonijiet waqt li l-każi tal-Covid kienu qed jiżdiedu ‘għaliex ħaseb li n-nies li kienu qed imutu biha kienu essenzjalment ‘il fuq minn 80 sena’.

Nhar it-Tnejn tneħħew il-parti kbira tar-regoli tal-lockdown fl-Ingilterra, fejn spiċċaw ir-regoli għad-distanza soċjali u meta wieħed għandu jagħżel jekk jilbisx il-maskra jew le. Iżda huma biss in-nies li ħadu l-vaċċin sħiħ  li jkunu  jistgħu jidħlu fin-nightclubs u jattendu għall-avvenimenti kbar fil-pajjiż sal-aħħar ta’ Settembru.