L-istatistika tas-sitwazzjoni tal-Coronavirus f’pajjiżna turi li Ġunju u Lulju ta’ din is-sena huma ħafna agħar f’termini ta’ każi ġodda, meta kkumparati mal-istess xhur tas-sena li għaddiet – F’Ġunju tal-2020 kellna 52 każ ġdid filwaqt li f’Ġunju ta’ din is-sena kellna 88 każ ġdid – F’Lulju tas-sena li għaddiet rajna 154 każ ġdid u s’issa f’Lulju ta’ din is-sena diġa rajna 2,215-il kaz – differenza ta’ aktar minn 2,000 każ ġdid.
Fis-Sajf li għadda, il-Ministru Julia Farrugia rċeviet ħafna kritika għall-mod ta’ kif żdiedu l-każi tal-virus waqt l-istaġuni turistiċi tas-Sajf, Din is-sena, dan id-dekasteru jaqa’ taħt il-Ministru Clayton Bartolo.
“Irrid nirrimarka li din is-sena hija sitwazzjoni totalment differenti minn dik illi kelna s-sena li għaddiet hekk kif qed naraw li waqt li s-sena li għaddiet ibbażajna iktar fuq ir-restrizzjonijiet, din is-sena qed nibbażaw iktar fuq il-vaċċin” – Hekk qalilna l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo meta kien qed iwieġeb domandi dwar il-pandemija u r-restrizzjonijiet imposti fir-rigward ta’ turiżmu u vjaġġar.
Dak li qed jgħid li bbaża fuqu l-Ministru wassal għal differenza mhux żgħira fil-każijiet meta wieħed iqabbel Ġunju u Lulju tal-2020 ma’ dawk ta’ din is-sena:
Ġunju 2020 – 52 każ
Ġunju 2021 – 88 każ
Lulju 2020 – 154 każ
Lulju 2021 – 2,215-il każ
Fl-2020, il-Ministru tat-Turiżmu kienet Julia Farrugia Portelli u wara l-iżbalji li saru fir-rigward tal-Pandemija u t-Turiżmu, il-Prim Ministru Robert Abela kien ħatar lil Clayton Bartolo f’din il-kariga hekk kif il-famużi ‘mechanisms’ tal-Ministru Farrugia, ma ħadmux. Mistoqsi biex jikkumenta dwar dan, il-Ministru Bartolo saħaq li se jħalli n-nies jiġġudikaw fuq il-ħidma tiegħu.
Fid-dawl ta’ din iż-żieda allarmanti fil-każi, il-Ministru tat-Turiżmu kien mistoqsi mill-media indipendenti jekk jiddispjaċiħx ta’ li għamel jew jekk jaħsibx li Malta ftaħna l-fruntieri tagħna b’mod mgħaġġel. Għall-ewwel mistoqsija, Bartolo saħaq illi ma setax jagħti risposta ta’ ‘iva’ jew ‘le’ filwaqt li għat-tieni mistoqsija, il-Ministru qal li hawn min kritika lill-Gvern għax dam biex fetaħ u issa hawn min qed isaqsi jekk fetaħx bl-għaġġla. Hawnhekk, Clayton Bartolo saħaq li l-approach li ħa l-Gvern “kienet waħda tajba.”
L-“approach tajba” li qal li ħa l-Ministru mhux biss waslet għal żieda allarmanti fil-każi imma waslet ukoll biex pajjiżna jitpoġġa fuq il-lista l-ħamra tal-ECDC. Mistoqsi dwar dan, Clayton Bartolo iġġustifika li mhux Malta biss tpoġġiet f’din il-lista. Minn naħa l-oħra, l-eks Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia ġġustifikat il-lista l-ħamra billi saħqet li l-każi qed jiżdiedu f’pajjiżi oħrajn u mhux f’Malta biss.
//= $special ?>