Edukazzjoni Lokali

“Iż-żgħażagħ huma l-aġenti għat-tiġdid” – Bernard Grech

“Iż-żgħażagħ huma l-promoturi tat-tiġdid u tal-bidla”. Hekk tenna l-Kap tal-PN Bernard Grech f’laqgħa li kellu mal-Eżekuttiv il-ġdid tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), li ttellat fid-Dar Ċentrali.

Tul il-laqgħa Bernard Grech qal li l-PN se jibqa’ dak il-partit li jisma’ u jemmen fil-ħila taż-żgħażagħ, u li fuq kollox jħares li jirrappreżenta dak l-element żagħżugħ li huwa tant kruċjali għas-soċjetà tagħna.

Bernard Grech qal li jrid ikun hemm bilanċ bejn l-edukazzjoni u l-ħajja universitarja, fejn ħares ukoll lejn is-sitwazzjoni u l-isfidi li kull student qed jesperjenza fid-dawl tal-pandemija, anki sfidi li mhux biss ġabet il-marda, iżda wkoll ir-riperkussjonijiet fis-saħħa mentali u sfidi oħra li ġabet l-imxija magħha.

Fl-indirizz tiegħu l-President tal-KSU, Neil Zahra elenka l-isfidi li qed isibu ż-żgħażagħ, u qal li jħares ‘il quddiem li l-KSU jaħdem biex ikun il-vuċi tal-istudenti Universitarji. Huwa qal li fl-aħħar xhur ħadmu dwar is-saħħa mentali, b’kampanja biex wieħed anki ma jiddejjaqx ifittex l-għajnuna. Neil Zahra kompla li bħalissa hemm inċertezza kbira speċjalment fuq aspett ta’ kif se jitkomplew l-istudji. Huwa kompla li jittama li s-sitwazzjoni tirritorna mill-aktar fis għan-normal, bil-campus ikun miżgħud bil-ħajja studenteska.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech wiegħed lill-KSU li l-Partit Nazzjonalista se jkun ta’ spalla għall-istudenti kollha b’mod speċjali f’dan iż-żmien tant diffiċli għalihom. Hu qal li l-istudenti se jkunu ta’ prijorità biex jassigura li kull sfida li tista’ tinħoloq tkun indirizzata minnufih u tittaffa t-tbatija.

Għal din il-laqgħa l-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-żgħażagħ Clyde Puli, is-Segretarju Eżekuttiv Michael Piccinino u l-kandidati Joseph Grech, Francine Farrugia u Bernice Bonello.