Lokali Qorti

Jibda ġuri ta’ Niġerjan fuq droga u li fl-2017 kien ħarab minn Malta

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, Kenneth Duru, Niġerjan ta’ 44 sena beda għaddej ġuri fejn qed jiġi akkużat b’kompliċità li traffika ammont sostanzjali ta’ droga eroina f’Ġunju tal-2010. Wara li ntgħażlu l-ġurati f’awla numru 22 bdew jinstemgħu l-provi dwar il-każ.

Il-Pulizija ta’ Catanzaro kienu arrestaw lil Duru f’Diċembru tal-2017 wara li kien imfittex mill-awtoritajiet Maltin fuq traffikar tad-droga. Huwa kien mar fl-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni ta’ Catanzaro biex jitlob protezzjoni internazzjonali, iżda l-awtoritajiet skoprew li fuq ismu kien hemm madat Ewropew ta’ estradizzjoni maħruġ mill-Qorti ta’ Malta. Huwa kien inġib Malta fi Frar tal-2018.

Duru qed jiġi akkużat li prova jitraffika dak li ġie ddikjarat bħala ammont sostanzjali ta’ droga eroina flimkien ma’ persuna oħra, li wkoll kien allegatament involut fil-każ. Fil-fatt sieħbu kien ħarab miegħu lejn l-Italja. Matul il-ġuri se jkunu qed jittellgħu għadd ta’ xhieda fosthom Pulizija li wettqu operazzjoni sigrieta biex qabdu l-akkużati, esperti dwar id-droga, u xhieda li semgħu u raw affarjiet relatati mal-każ.