Rapport: Stewart Said
M’SKALA FISH AND FISH……….. 9
TA’ XBIEX AMIGOS………………… 8
(1-0), (4-3), (2-3), (2-2)
Wara l-prestazzjoni pożittiva kontra Exiles il-Ħadd li għadda, Ta’ Xbiex Amigos reġgħu kienu viċin li jiksbu tal-anqas punt iżda xorta ħarġu b’idejhom vojta mil-logħba. Marsaskala Fish and Fish fuq in-naħa l-oħra, kisbu tliet punti importanti li bihom għadhom jittamaw li jistgħu jiksbu post fil-Kampjonat Premier.
Mark Carani skorja l-uniku gowl tal-ewwel sessjoni minn penalty. F’nofs is-sessjoni, Marsaskala kellhom vantaġġ ta’ 4-1 u sa dak il-ħin deher li setgħu jaħarbu bil-logħba. Iżda Ta’ Xbiex urew karattru u rnexxielhom jidħlu fil-logħba b’gowls ta’ Mark Demarco u Jayden Cutajar minn penalty. Carani rdoppja l-vantaġġ għal 5-3.
Fit-tielet sessjoni, Ta’ Xbiex irnexxielhom għall-ewwel darba fil-logħba jġibu d-draw b’doppjetta ta’ Jayden Cutajar għal skor ta’ 6-6. Iżda minn azzjoni ta’ superjorità numerika, il-veteran Paul Privitera għen lil Marsaskala jibdew l-aħħar sessjoni b’gowl vantaġġ.
Marsaskala kienu aktar dixxiplinati fid-difiża fl-aħħar sessjoni u rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ tliet gowls li ż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex qatt ma rkupraw minnu. Luca Felice u Privitera għamlu l-iskor 9-6, b’Mark Demarco u Jayden Cutajar inaqqsu d-distakk fl-aħħar minuta.
Marsaskala: J. Micallef (1), J.C. Cutajar, A. Camenzuli (3), P. Privitera, G. Sammut, L. Grixti, K. Navarro, M. Manara (1), S. Micallef, L. Felice (1), J. Ciantar (1), M. Carani (2), A. Muscat, D. Camilleri, N. Gatt
Ta’ Xbiex: M. Vassallo, Z. Cutajar Licari, J. Pace Mizzi, J. Cassar, M. Demarco (2), J. Saliba (1), J. Cutajar (4), K. Borg, S. Azzopardi, E. Schembri, D. Rizzo (1), A. Theuma
Referees: Massimo Angileri, Peter Balzan
SAN ĠILJAN MERCURY TOWERS……….. 17
VALLETTA IZIBET…………………………….. 4
(6-0), (3-1), (2-2), (6-1)
Iċ-champions San Ġiljan Mercury Towers ftit tħabtu biex għelbu lil Valletta Izibet. Logħba li fiha qatt ma kienu f’periklu u kkontrollaw mingħajr diffikultà biex komplew jikkonfermaw li jinsabu f’forma mill-aqwa. Għalkemm ir-rebħa għal San Ġiljan ma kinitx sorpriża, id-distakk finali jista’ jitqies bħala ftit sorpriża. Speċjalment wara r-riżultat ta’ 11-7 fl-Enemed Cup xahar ilu. Għal Valletta kienet prestazzjoni kwieta ħafna u f’ħafna mumenti bdew anki jsibuha diffiċli biex jimpenjaw lil Jake Tanti.
Il-Ġiljaniżi mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom u wara li Ben Plumpton fetaħ l-iskor ftit wara minuta mill-bidu tal-logħba, skorjaw ħames darbiet oħra mingħajr risposta tul is-sessjoni. Andreas Galea skorja tlieta minnhom. Dan id-distakk ikkomprometta l-kumplament tal-logħba, b’Valletta ma jkollhomx reazzjoni għad-dominanza tal-avversarji. Wara li Niki Lanzon skorja l-ewwel gowl ta’ Valletta, Ben Plumpton u doppjetta ta’ Darren Zammit fl-aħħar tliet minuti tas-sessjoni għamlu l-iskor 9-1.
Bil-kowċ Dorian Pisani jagħmel aktar rotazzjoni fit-tim, Valletta rnexxielhom jikkalmaw id-danni hekk kif tal-anqas temmew it-tielet sessjoni fi draw. Iżda fl-aħħar sessjoni, tripletta ta’ Dino Zammit, doppjetta ta’ Ben Plumpton u Matthew Zammit kabbru l-vantaġġ għal 17-3, b’Andrea Agius jiskorja l-aħħar gowl tal-logħba għal Valletta lejn it-tmiem.
San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea (3), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (1), B. Plumpton (5), J. Bonavia, D. Ciantar, Da. Zammit (2), K. Galea, Di. Zammit (5), G. Vassallo, M. Ortoleva (1), D. Tully
Valletta: T. Micallef, P. Borg, M. Stellini, A. Agius (2), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud, N. Farrugia, N. Zammit, M. Zammit, N. Lanzon (1), K. Tanti, M. Mannino (1)
Referees: Alex De Raffaele, Ronnie Spiteri
Logħob li jmiss
Għada
Grupp B
Marsaxlokk v Birżebbuġa 6.00pm
Grupp A
Sliema v Exiles 7.05pm
Neptunes v Otters 8.10pm
//= $special ?>