Lokali Qorti

“Ma naf xejn dwar it-tliet hold-ups tal-HSBC u l-Casino Di Venezia b’rabta mal-“Koħħu”, imma naf fuq “It-Topo” dwar ta’ Ħal Qormi” – Melvin Theuma

Melvin Theuma, il-middle-man fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qal ma jaf xejn fuq Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu’ b’rabta mat-tliet hold-ups li qed jiġi akkużat bihom, dik fuq l-HSBC tal-Ħal Balzan, fl-2007, l-attentat ta’ hold-up fuq iċ-ċentru tal-HSBC f’Ħal Qormi fl-2010 u mill-Casino di Venezia fl-2010.

Madankollu aktar tard huwa qal li huwa jaf li Darren Debono magħruf bħala “It-Topo” kellu x’jaqsam mal-każ. Meta l-ewwel kien qed jixhed fil-każ kontra Vince Muscat quddiem il-Maġistrat Monica Vella, Theuma qal li ilu jaf lil “Koħħu” minn mindu kien żgħir iżda ma jaf xejn fuq it-tliet każijiet.

Huwa kien qed iwieġeb meta mistoqsi mis-Supretendent Joseph Mercieca dwar dan il-każ fejn infurmah wkoll li hu ngħata l-proklama fuq kollox u biex jiżvela kollox, Theuma qal li l-aktar li kien jaf lil Muscat kien fuq il-logħob tal-ażżard, iżda fuq dawn it-tliet hold-ups ma jaf xejn fuqu, kif lanqas jaf fuqu dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Għal Muscat qed jidher l-Avukat Mark Sant.

Wara din ix-xhieda, b’mod separat quddiem il-Maġistrat Monica Vella huwa xehed fuq Darren Debono fejn qal li jaf biss fuqu dwar l-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC ta’ Ħal-Qormi. Theuma qal li dwar dan huwa jiftakar li kien fl-istess perjodu bħall-kunċert tal-Isle of MTV iżda ma jiftakarx is-sena.

Theuma kompla li xahar qabel il-holdup, Darren Debono mar fuqu u staqsieh jekk għandux flat għall-kera. “Ma niftakarx eżattament jekk kellux miegħu lil Alfred Degiorgio, “il-Fulu”.. Krejtlu flat fil-Mosta fi Triq Anġlu Gatt għal xahar. Kien fis-sajf u l-prezz kien ta’ €300. Darren Debono ħallas għalih. ”

Ix-xhud jgħid li matul iż-żmien meta l-kunċert tal-Isle of MTV kien qed isir fuq il-Fossos tal-Floriana, huwa kien qed jiekol mal-familja tiegħu u rċieva telefonata mingħand Debono. “Mort fil-flat tal-Mosta tiegħi. Kif tidħol fuq ix-xellug hemm kamra tas-sodda.

“Sibt lil Darren Debono fuq is-sodda bil-qalziet ta’ taħt, kellu demm fuq koxxa. Qaluli li l-Pulizija sparawlu. ” Theuma qal li Vince Muscat kien talbu biex jgħin fit-trattament ta’ Debono. “Għidtlu tajjeb u ħallejt il-flat u soqt. Kien hemm il-Pulizija fil-viċinanza. ”

Melvin Theuma qal li kien intalab minn Debono biex isiblu veterinarju taż-żwiemel biex jittrattah wata l-attentat tal-hold tal-bank HSBC f’Ħal Qormi wara li sabu “jqattar bid-demm mill kullimkien”. Mericeca staqsa jekk kinux skambjati kliem ieħor dakinhar. “Le,” wieġeb Theuma. L-Avukat Edward Gatt, li deher għal Debono qal li xtaq li jagħmel il-kontro-eżami ta’ Theuma fis-seduta liu jmiss x-xhud aktar tard. Il-Qorti laqgħet ‘t-talba u s-seduta ġiet differita għall-kontro-eżami għall-4 ta’ Awwissu fid-9: 45am.

L-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC f’Ħal Qormi kien seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2010, għall-ħabta tat-7.45pm. fiċ-Ċentru Rużar Briffa. Dwar dan il-każ kien tressqu Vince Muscat ta’ 59 sena u Darren Debono ta’ 44 sena magħruf bħala “It-Topo’.

It-tnejn kellhom jgħaddu ġuri dwar dan il-każ, liema ġuri spiċċa differit ‘sine die’ u dan anke peress li minn dak iż-żmien ‘l hawn saru aktar stejjer dwar il-każ, fosthom li allegatament hemm l-involviment tal-eks Ministru Chris Cardona u l-Ministru sedenti Carmelo Abela.

Il-hold up l-ieħor fuq il-fergħa ta’ Ħal Balzan fejn kienu nsterqu miljun ewro f’Diċembru tal-2007 u dak tal-Casino di Venezia fl-2010. Fil-bank ta’ Ħal Balzan is-somma kbira ta’ flus li nsterqet kinet tikkonsisti l-aktar minn flus kontanti tal-ewro, li allegatament nsterqet minn ħames ħallelin f’dak li kien hold-up ppjanat għall-ħabta tan-12.40 p.m.

Ħames persuni liebsa beritta u armati daħlu fil-fergħa u wieħed minnhom ippunta arma tan-nar lejn l-istaff u l-klijenti lejn il-bankijiet waqt li l-oħrajn marru dritt lejn li strong room fejn serqu il-karti tal-flus. Imbagħad spiċċaw barra mill-fergħa u ħarbu f’karozza b’veloċità eċċessiva fid-direzzjoni tal-Ġonna ta’ San Anton. Il-karozza wara nstabet abbandunata fi Fleur de Lys. Il-karozza u vann Toyota li nstabu viċin il-bank intużaw fil-hold-up.

Is-serqa fil-Casino di Venezia, li kienet tammonta għal madwar 400,000 ewro kienet saret fit-3 ta’ Frar 2010 fejn sakemm waslu l-Pulizija ftit tal-ħin wara li l-kriminali ħarbu minn fuq il-post. Is-serqa damet tliet minuti u 13-il sekonda fejn erba’ ħallelin kienu daħlu fil-Casino armati b’armi tan-nar filwaqt li kompliċi ieħor kien qed jistenna f’karozza Pajero u mhux eskluż li kien hemm ieħor ħdejn id-daħla li tagħti għall-Waterfront tal-Birgu.

Fuq in-naħa ta’ Sant’Anġlu kien hemm speedboat tistenna li wkoll seta’ kien hemm xi ħadd jistenna. Dan il-‘hold-up’ seħħ bejn is-7.35 p.m. u s-7.40 p.m. meta fil-Casino kien hemm madwar 20 klijent. L-erba’ ħallelin kienu armati b’pistoli u senter.

Kienu libsin boiler suits u wiċċhom mgħammad. Tlieta mill-ħallelin telgħu fl-ewwel sular fejn hemm is-sala tal-logħob u s-slot machines filwaqt li r-raba’ wieħed baqa’ isfel għassa mar-receptionist u impjegat li jidher jheddihom b’senter. Dawk li telgħu fuq imbuttaw l-uffiċjal tal-Gaming Authority u poġġewh wiċċu lejn is-slot machines.

Wieħed mill-ħallelin qabeż minn fuq il-bank tal-kaxxiera u ordna lill-kaxxier biex inewwel il-flus kollha li kien hemm fis-safe li għal xi raġuni s-safe kien miftuħ. Biex ipoġġi l-flus fil-basket, il-ħalliel poġġa l-arma fuq il-bank u l-kaxxier jew membru tas-sigurtá għadda l-flus lill-ħalliel. Il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post b’veloċitá eċċessiva fid-direzzjoni ta’ Sant Anġlu.

Minbarra flus kontanti u ċekkijiet, insterqu wkoll arloġġ u ġiżi­rana tad-deheb li l-valur tagħhom mhux magħ­ruf. Is-serqa damet biss ftit minuti fejn il-ħallelin irnexxielhom iwettqu serqa ta’ aktar minn €380,000, Il-ħallelin kienu ħarbu minn fuq il-baħar il-Pulizija għamlu patrol mal-kosta kollha ta’ Malta b’mod partikolari madwar il-Port il-Kbir.

Tfittxija oħra saret mill-ajru permezz tal-ħelikopter Alouette tal-FAM li għamel tfittxija bil-kamera infra-red filwaqt li saret ukoll tfittxija minn fuq il-baħar mil-Iskwadra Marittima tal-FAM permezz tal-lanċa Melita.