Lokali Qorti

Milqugħa talba ta’ priġunier li qed jgħid li huwa iben Tumas Fenech biex isiru testijiet tal-fdalijiet tiegħu

Il-Qorti ordnat sabiex jinqalgħu l-fdalijiet tan-negozjant Tumas Fenech u jsiru testijiet fuqu hekk kif raġel li jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jallega li hu t-tifel illeġittimu tiegħu, u għaldaqstant l-eredi tiegħu. Quddiem il-Qorti tal-Familja, r-raġel qed jitlob sabiex iċ-ċertifikat tat-twelid ikun emendat u sabiex isirlu test tad-DNA sabiex tiġi stabbilità l-paternità.

Bid-deċiżjoni tal-Qorti meħuda, it-tabib espert Mario Scerri ġie appuntat bħala espert forensiku u Dr. Marisa Cassar ġiet appuntata biex teżamina l-fdalijiet ta’ Fenech u biex tagħmel it-testijiet tad-DNA fuq Fenech. Il-familja Fenech mistennija tappella mid-deċiżjoni tal-Qorti. Tumas Fenech kien miet fl-1999.

Victor Buttiġieġ, li jinsab il-ħabs fuq droga qed jallega li hu l-iben illeġittimu ta’ Tumas Fenech u kien għamel mandat ta’ inibizzjoni biex il-familja Fenech ma tiftaħx il-qabar qabel ma jsiru testijiet tad-DNA u dan sabiex ikun assigurat li ma tintmess l-ebda evidenza.

Buttiġieġ għamel il-mandat ta’ inibizzjoni kontra t-tfal u kotra n-neputijiet ta’ Tumas Fenech u ħalla barra lil Josephine Fenech, il-mara ta’ Tumas Fenech, is-sid tal-qabar ta’ Tumas. L-Imħallef Francesco Depasquale kien ċaħad it-talba tal-mandat ta’ inibizzjoni.

Buttiġieġ kien fetaħ kawża fil-Qorti tal-Familja fl-2013. In-negozjant Tumas Fenech, jiġi n-nannu ta’ Yorgen Fenech li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Buttigieg għandu kundanni preċedenti għal serq u pussess ta’ eroina.

L-Avukat Edward Debono kien talab lill-qorti tordna lid-direttur taċ-ċimiterju tal-Addolorata jew lid-Direttur għas-Saħħa Ambjentali biex jiddikjara jekk il-qabar inkwistjoni nfetaħx fl-aħħar ftit “xhur jew snin” jekk il-fdalijiet għadhom f’posthom, jew jekk tqiegħdux x’imkien ieħor jew sostitwiti u jekk iva, fejn.

Huwa appella wkoll għal paraguni tad-DNA tal-aħwa Fenech kollha, “biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda qerq f’dak kollu li qed jintalab għall-aħjar konklużjoni ta’ dan il-każ. ” Matul l-aħħar 22 sena, Buttigieg ilu dieħel u ħiereġ il-ħabs.

Fl-1999, huwa ġie kkundannat għal tmien xhur ħabs għal serq, li mbagħad kienu mnaqqas għal sitt xhur. Wara liberazzjoni fuq akkuża ta ‘pussess ta’ eroina fl-2003, huwa ġie kundannat sentejn ħabs għal akkużi sussegwenti ta’ pussess ta’ eroina fl-2005, u għal sitt snin fl-2015, għal darb’oħra fuq pussess ta ‘eroina

L-avukati Edward DeBono u Maria Cardona qed jidhru għal Buttiġieġ. L-avukati Karl Briffa, Joseph Vella u Robert Thake qed jidhru għall-familja Fenech.