Lokali

Mostin iħabbtu wiċċhom ma’ problemi tad-drenaġġ u sanità

Numru ta’ residenti Mostin ilmentaw ma’ Net News rigward l-istat ta’ numru ta’ toroq fil-lokalità… b’mod speċjali fi Triq il-Kbira b’xogħol li ilu għaddej għal xhur sħaħ.

Ir-residenti li tkellmu magħna qalulna li m’għandomx problema li x-xogħol qed isir, iżda kif qed isir ix-xogħol, fejn kull ma jmur qed joħroġ fil-beraħ in-nuqqas ta’ pjanar…. b’filmati li ġibed u li kiseb Net News juru l-problema tad-drenaġġ f’din it-triq, bil-Mostin jgħidulna li s-sitwazzjoni f’waqtiet ma jkunux jistgħu jifilħuha, bl-irwejjaħ u problemi sanitarji li ilha għal xhur.

Il-filmati juru kif id-drenaġġ huwa kontinwament ħiereġ, bis-sħana tas-sajf ma tantx tgħin.

Residenti oħrajn qalulna li fit-triq hemm problema kbira ta’ firien, ġrieden, u nemus, b’raġel partikolari qal li spiċċa mar joqgħod għand il-qraba tiegħu għax ma jistax jissaporti jgħix f’daru stess.

Kienu ħafna li magħna saqsew fejn huma l-awtoritajiet, għax bħal ma x-xogħol irid isir, irridu nħarsu wkoll l-interessi taċ-ċittadini fiz-zona.

Oħrajn qalulna li jafu li fis-sajf din it-triq tintuża ħafna … iżda minħabba nuqqas ta’ pjanar ix-xogħol baqa’ għaddej anki fl-għeqqel tas-sajf. 

Mostin ilmentaw magħna li b’dawn in-nuqqasijiet qed jinħoloq periklu għal kull min jgħaddi minn din it-triq…jew anki min jazzarda jaqsam bil-mixi. Uħud qalu li din in-negliġenza u n-nuqqas ta’ pjanar mhux aċċettabli, filwaqt li saqsew f’każ li xi ħadd iweġġa’ ….min se jġorr ir-responsabbiltà.