Lokali

Repubblika b’appell lill-Kummissarju Angelo Gafà biex jaqdi dmiru fl-irwol li suppost iservi

Appell biex jinvestiga lill-klikka mafjuża li ħakmet lil Malta

Permezz ta’ konferenza tal-aħbarjiet l-għaqda Repubblika appellat lill-Kummissarju Angelo Gafà biex jinvestiga lil dawk li ħatfu lil pajjiżna permezz tal-iskandli kontinwa, biex jinvestiga lis-swaba tal-qarnita mafjuża li ħatfet lil Malta.

Dan sostnih il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina quddiem id-Depot tal-Pulizija fil-Floriana fejn sar appell biex il-kriminali ma jibqgħux jikkmandaw, u biex il-Kummissarju ma jippermettix li min iwettaq id-delitti ma jarax ġustizzja.

Repubblika qalet li l-Kummissarju jeħtieġ li jinvestiga fuq għadd ta’ ismijiet inkluż l-eks PM Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, l-eks Deputati Mexxeja tal-Partit Laburista Konrad Mizzi u Chris Cardona, il-Ministru Carmelo Abela, id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar fost l-oħrajn.

L-appell mir-Repubblika kien biex il-Kummissarju jieqaf ikaxkar saqajh u jfittex it-triq tas-sewwa. Huma qalu li jekk jagħmel dan, huma lesti jaħdmu spalla ma’ spalla biex f’Malta ssir ġustizzja biex fuq kollox anki tinħareġ il-verità kollha fuq min kien il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-President ta’ Repubblika kompla li xogħol il-Kummissarju mhux biss li jkun hemm re-branding tal-Korp, imma li fuq kollox jara li jkun hemm riżultati konkreti fl-investigazzjonijiet li suppost qed isiru biex dawk li qed iħammġu isem pajjiżna jduqu l-ġustizzja.

Repubblika appellat lil Angelo Gafà biex ma jibqax ma jinvestigax l-imseħja untoachables u llum qabel għodda jxammar il-kmiem biex jaħdem tassew biex f’pajjiżna jkollna Kummissarju li ma jkomplix fuq il-predeċessuri ta’ qablu, iżda jagħżel li jwassal biss il-ġustizzja u l-verità.