Sport Sport Ieħor

Toshiro Muto jisħaq li l-Olimpjadi jistgħu jkunu kkanċellati

(Ritratt: EPA)

B’kuntrast għal dak li qal il-president tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, Thomas Bach, il-kap tal-Kumitat Organizzattiv tal-Olimpjadi f’Tokjo, Toshiro Muto, ikkonċeda li l-Olimpjadi jistgħu jkunu kkanċellati fl-aħħar mumenti, minħabba ż-żieda fil-Covid-19. Aktar kmieni Thomas Bach qal li l-Olimpjadi se jsiru kif pjanat, hekk kif dan se jkun qed jagħti tama lill- atleti, uffiċjali u spettaturi għall-“futur aħjar”.

Hekk kif fl-aħħar 24 siegħa kien 10 każijiet ta’ atleti li rriżultaw pożittivi, Muto qal li d-diskussjonijiet dwar ajekk l-avveniment isirx jew le, se jibqgħu għaddejin sal-aħħar minuti. Muto stqarr li l-każijiet jistgħu jitilgħu kif ukoll jinżlu, bil-partijiet ikkonċernati mistennija jkunu f’taħdiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Covid-19 f’Tokjo.

Aktar kmieni dan ix-xahar, kien deċiż li l-parteċipanti se jkunu qed jikkompetu fi stadia vojta, mingħajr spettaturi, biex jitnqaqqas ir-riskju ta’ Covid-19. Sadanaittant, iċ-ċerimonja tal-ftuħ mistennija ssir ukoll mingħajr spattaturi kif ukoll mingħajr l-isponsors olimpiċi prinċipali.

In-nuqqas ta’ qbil bejn Thomas Bach kif ukoll Toshiro Muto qed joħloq aktar inċertezza dwar l-Olimpjadi ta’ dan is-sajf, li kienu ikkanċellati s-sajt li għadda.