Internazzjonali

Xukkjati dwar qtil rari fi skola ta’ Singapore

Tifel tal-iskola ta’ 16-il sena spiċċa akkużat bl-omiċidju ta’ student ieħor – tliet snin iżgħar minnu — fi skola ta’ Singapore. Il-każ seħħ fil-kumpless ta’ skola u xxokkja bil-kbir lill-poplu ta’ dan il-pajjiż fejn il-vjolenza estrema fl-iskejjel hi xi ħaġa rari ħafna.

Il-pulizija li marru jinvestigaw il-każ fl-iskola għolja sabu l-katavru tal-vittma f’kamra tal-banju fost rapporti li huma ‘elevaw mannara’ minn fuq il-post tad-delitt u li tista’, ‘il quddiem, isservi bħala evidenza waqt il-proċess legali.

L-investigazzjonijiet inizjali, intant, iddeterminaw li ż-żewġ subien tal-iskola ma kenux jafu lil xulxin.