Internazzjonali

Ċina: Għargħar kbir f’Henan jikkaġuna l-vittmi u eluf ta’ evakwazzjonijiet

L-awtoritajiet fil-provinċja ta’ Henan fl-aħħar sigħat kienu qed ifittxu għan-nies irrappurtati nieqsa fost l-għargħar ikkaġunat minn inżul ta’ xita rekord għal kwalunkwe żmien.

L-għargħar, fost oħrajn, mela l-mini taħt l-art minfejn jgħaddu l-ferroviji u bir-riżultat li numru kbir ta’ passiġġieri spiċċaw f’sitwazzjoni ddisprata waqt li ċirkondati mill-ilma għoli.

L-aħħar rapporti qalu li mietu talanqas 12-il persuna fl-għargħar tal-mini waqt li l-filmati urew diversi nies li bilkemm setgħu jżommu rashom ‘il fuq mill-ilma. Dan waqt li l-għargħar kien qed ikaxkar il-platforms tal-istazzjonijiet tal-ferrovija, bl-awtoritajiet għall-emerġenzi jippruvaw jimminimizzaw il-periklu għan-nies.

‘Il fuq 500 persuna, fl-aħħar sigħat, kienu salvati mill-mini fil-provinċja ta’ Henan.

Dan meta ġranet ta’ xita konsekuttivi kkaġunaw ħsarat kbar fid-diversi zoni tal-provinċja u fejn kellhom ikunu evakwati mal-200,000 resident.

Intant, numru sostanzjali ta’ toroq – inkluż arterji prinċipali – inbidlu litteralment fi xmajjar, bil-kurrenti tal-ilma jkaxkru kontinwament il-karozzi u forom oħra ta’ ‘debris’. Fl-istess ħin, ħafna nies kellhom ikunu salvati mit-toroq mgħarrqin, bil-ħidma tal-emerġenza tkompli matul il-ġurnata.

‘Il fuq minn għaxar bliet fil-provinċja ta’ Henan spiċċaw affettwati mill-għargħar, bil-President taċ-Ċina, Xi Jinping, jikkonferma ‘telf ta’ ħajja sinifikanti u ħsarat sostanzjali għall-proprjetà’.

Intant, l-ilma fid-diversi ġibjuni laħaq livelli allarmanti, bis-suldati jispiċċaw mobilizzati biex idawwru d-direzzjoni tal-għargħar mix-xmajjar li qed jifqa’ l-art lejn zoni ta’ periklu anqas. Dan waqt li spiċċaw sospiżi l-iskedi tat-titjiriet u tal-ferroviji fid-diversi bnadi ta’ Henan.

Fl-istess ħin, ir-rapporti minn Zhengzhou, il-kapitali provinċjali ta’ Henan, qalu li fi tlett ijiem biss ‘niżlet l-ekwivalenti ta’ sena xita (bħala medja) fuq il-belt’.