Internazzjonali

Covid-19: Jidħol fis-seħħ il-‘health pass’, bil-każi tal-virus ‘jisplodu’ fi Franza

Minn issa, fi Franza, sar effettiv id-dokument – jew health pass – għall-poplu meta l-pajjiż għaddej minn spinta ġdida ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 u l-varjanti tiegħu.

Minn issa ‘il quddiem, in-nies fi Franza jridu jipproduċu l-provi li tlaqqmu kontra l-virus inkella provi li kellhom test negattiv. Il-health pass, fl-istess ħin, jista’ jindika li ‘is-sid ikun fieq mill-infezzjoni tal-Covid’, b’dan id-dokument se jkun meħtieġ għal ħarġa saċ-ċinema jew mill-persuni li jridu jżuru l-mużewijiet.

Mistenni wkoll li d-deputati parlamentari Franċiżi jiddibattu jekk, f’Awwissu, għandhomx jestendu l-użu tal-health pass għan-nies li jkunu jridu jidħlu fil-kafeteriji, ir-ristoranti jew il-kumplessi kummerċjali.

Il-miżura daħlet fis-seħħ wara li l-Ministru tas-Saħħa Franċiż, Olivier Veran, ħabbar 18,000 infezzjonijiet ġodda bil-Covid f’perjodu ta’ 24 siegħa biss.

L-istatistika hi allarmanti meta mqabbla ma tal-ġimgħa li għaddiet u fejn fi Franza kienu qed ifeġġu mas-7,000 każ kuljum. L-ispinta fl-infezzjonijiet tindika żieda ta’ 150 fil-mija fuq il-każi preċedenti f’dan il-pajjiż meta l-varjant ‘Delta’ qed ikompli jinfirex qalb ir-reġjuni u l-provinċji ta’ Franza.

Olivier Veran qal li qatt qabel ma ra sitwazzjoni bħal din, bil-varjant ‘Delta’ qed jikkaġuna ħafna aktar infezzjonijiet mill-varjanti ta’ qabel (tal-Covid) li dehru għall-ewwel darba fir-Renju Unit u l-Afrika ta’ Fuq.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron kien ħabbar il-pjani għall-health pass aktar kmieni fix-xahar u qed jinsisti li l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa jitlaqqmu bilfors kontra l-coronavirus. Dan fost stħarriġ li ħafna Franċiżi huma xettiċi dwar il-vaċċin ta’ kontra l-Covid u jippreferu li ma jitlaqqmux.

Intant, il-pjani ta’ Macron mhuma xejn jekk mhux kontroversjali, b’żewġ ċentri tat-tilqim fi Franza jispiċċaw ivvandalizzati waqt protesti kontra r-regoli ġodda relatati mal-coronavirus f’dan il-pajjiż.

Fi żviluppi oħra, qed tiżdied ir-rabja fl-Awstralja fi żmien meta 13-il miljun ċittadin – jew nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż – qed ikollhom jissapportu l-lockdowns ġodda waqt l-inċidenzi lokali ġodda tal-Covid.

Bħalissa, l-Istat ta’ South Australia, l-Istat ta’ Victoria u bnadi ta’ New South Wales jinsabu taħt lockdown u meta sallum laħqu tlaqqmu anqas minn 14 fil-mija tal-Awstraljani. Hemm anki inċertezza qawwija dwar meta se jerġgħu jiftħu l-ibliet ta’ Sydney u Melbourne – li huma l-akbar żewġt ibliet tal-Awstralja.

Dan waqt li ħafna Awstraljani qed jesprimu frustrazzjoni talli kellhom jirritornaw għal-lockdown, 18-il xahar wara l-bidu tal-pandemija, u fejn il-movimenti tagħhom qed ikunu strettament ikkontrollati mill-pulizija.