Il-Maġistrat Victor Axiak ordna raġel ta’ 30 sena minn Birżebbuġa iħallas €1,000 wara li nqabad isuq bla kont u b’mod traskurat meta kellu żewġt itfal fuq wara li ma kienux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà. Terence Micallef kien qed jiġi mixli b’għadd ta’ akkużi, dik li fis-17 ta’ Frar tal-2019 saq karozza fi Triq Ħal Qormi fil-Marsa mingħajr liċenzja tas-sewqan u meta kellu l-liċenzja revokata, li saq bi traskuraġni, li naqas li jara li t-tfal ikunu marbutin b’ċintorin tas-sigurtà u li kiser sentenza preċedenti tal-Qorti.
Micallef kien twaqqaf minn Kuntistabbli tal-Pulizija wara li kien rah isuq b’veloċità eċċessiva u jserrep min-naħa għall-oħra tat-triq u jwerżaq tat-tajers. Minn spezzjoni li għamel il-Pulizija nnota li fuq is-seat ta’ wara kien hemm żewġt itfal bilwieqfa mingħajr ma kienu marbutin bis-seat belt.
Meta l-Pulizija għamel kuntatt mal-Control Room irriżulta li l-liċenzja tas-sewqan ta’ Micallef kienet sospiża. Micallef instab ħati ta’ sewqan mingħajr liċenzja tas-sewqan u li saq bi traskuraġni u li naqas l jara fis-sigurtà tat-tfal.
Flimkien mal-multa Micallef kellu l-liċenzja tas-sewqan skwalifikata għal sitt xhur u disa’ punti mnaqqsa mill-istess liċenzja. l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella.