Lokali

“Flimkien nerġgħu niksbu l-fiduċja u l-kredibbiltà li jixraqlu pajjiżna” – Bernard Grech

Il-fatt li s-Servizzi Finanzjarji saru wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija…ma seħħx b’kumbinazzjoni iżda grazzi għal Partit Nazzjonalista fil-Gvern li fl-1994 ddeċieda li jaħdem qatigħ fuq dan is-settur għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritu f’okkażżjoni tal-14-il edizzjoni tal-konferenza ta’ FinanceMalta fejn insista snin ilu l-Partit Nazzjnalista wera’ viżjoni kbira u   rnexxielu jibni tan il-qasam fuq pedamenti soda ta’ fiduċja, kredibilità, u r-reputazzjoni impekkabbli li kellu pajjiżna dak iż-żmien.

Madanakollu saħaq li huwa proprju għax il-Gvern Malti irnexxielu jitlef dawn it-tlett elementi li l-Financial Action Task Force poġġietna fuq il-greylist.

Bernard Grech sostna li biex Malta terġa tikseb ir-reputazzjoni li verament jixraqilha – biex il-pajjiż jerġa’ jiġi fdat fuq livell internazzjonali hemm bżonn l-għaqda, lil’hinn mill-politika partiġġjana. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista offra l-id tal-ħbiberija lill-Gvern ta’ Robert Abela, ankè permezz ta’ TaskForce iżda s’issa l-Prim Ministru baqa’ jistina rasu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Oppożizzjoni semgħet l-istakeholders ewlenin ta’ dan is-settur filwaqt li għal darb’oħra reġa appella lil Gvern ta’ Robert Abela sabiex jippubblika r-rapport tal-FATF għaliex bl-informazzjoni disponibbli għal kulħadd…kulħadd ikun jista’ jaħdem flimkien u jimxi fl-istess direzzjoni.

Bernard Grech sostna li f’pajjiżna hawn bżonn ta’ bidla, mhux biss fil-persuni iżda fil-mentalità u jrid ikun hemm ir-rieda politika li dan il-kambjament iseħħ sabiex b’hekk kulħadd jimxi b’eżempju.

Dan filwaqt li l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Iżvilupp Ekonommiku u l-Industrija Kristy Debono saħqet li pajjiżna jinsab f’perjodu kruċjali relatat ma dan is-settur partikolarment għal fatt li pajjiżna spiċċa fuq il-lista l-griża…fatt li qatt ma kellu jseħħ. Dan, qalet Debono, ma kienx xi zball… iżda kien kawża ta’ Gvern li baqa’ ċass bil-kriminalità f’daru.

Madanakollu hija saħqet li tinsab konvinta li dan is-settur jista’ jerġa’ jqum fuq saqajh b’serjetà jekk l-Oppożizzjoni flimkien mal-Gvern u r-regolaturi jaħdmu id f’id għal għan uniku – dak tal-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.