Ambjent Internazzjonali

Il-belt ta’ Liverpool titlef l-istatus ta’ Wirt Dinji minħabba żvilupp eċċessiv

Dalgħodu kien konfermat li l-port ta’ Liverpool, li kien imniżżel bħala World Heritage Site mill-UNESCO, tilef it-titlu ta’ Wirt Dinji. Dan seħħ minħabba żvilupp massiċċ li qed isir fiz-zona tal-baċiri, u fejn hemm l-imħażen l-antiki tal-belt.

Iz-zona magħrufa bħala d-docklands kienet waħda minn 32 sit fir-Renju Unit li huma rikonoxxuti mill-UNESCO.

Dawn is-siti jinkludu fost l-oħrajn il-Causeway tal-Irlanda ta’ Fuq u t-tempju ta’ Stonehenge f’Wiltshire.

Liverpool tneħħiet mil-lista tal-UNESCO wara vot sigriet mill-kumitat illi ltaqa’ fiċ-Ċina.

B’mod tekniku, dak li seħħ illum jissejjaħ delisting. U fl-aħħar 50 sena, kien hemm biss 3 każi ta’ dan it-tip fejn tneħħew siti mil-lista tal-UNESCO.

Il-kumitat attribwixxa din id-deċiżjoni għall-fatt li numru ta’ torrijiet se jbiddlu kompletament l-estetika tad-docks ta’ Liverpool, filwaqt li anke l-istadium il-ġdid tat-tim ta’ Everton – li se jinbena f’Bramley Moore Dock – ukoll ġie imfisser bħala żvilupp irriversibbli f’din iz-zona storika.