Lokali

AĠĠORNATA: John Dalli jgħid li jistenna apoloġija

Repubblika tgħid li din hi surreali

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ mill-għaqda Repubblika quddiem id-Depot tal-Pulizija, l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli insista li l-għaqda għandha tissostanzja l-allegazzjoni li għamlu kontrih jew jagħmlu apoloġija.

Dalli qal dan wara li wiċċu deher f’din l-azzjoni simbolika li saret minn Repubblika quddiem id-Depot, f’għajta ċara kontra l-korruzzjoni.

“Dawn iddeċidew li jassoċjawni mal-korruzzjoni, hekk kif min imexxihom ilu jagħmel f’dawn l-aħħar  35  sena”, kiteb Dalli fi stqarrija mibugħta lill-media.

Intant b’razzjoni għal dan, il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina qal illi hija sitwazzjoni surreali li persuna li l-Kummissarju tal-Pulizija ilu tmien snin jgħid li jrid iressaqha l-Qorti, minflok titressaq, toqgħod toħroġ l-istqarrijiet titlob l-apoloġiji sempliċiment għaliex “kwotajna lill-istess Kummissarju tal-Pulizija”.

Ilbieraħ, Repubblika qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija jeħtieġ li jinvestiga fuq għadd ta’ ismijiet inkluż l-eks PM Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, l-eks Deputati Mexxeja tal-Partit Laburista Konrad Mizzi u Chris Cardona, il-Ministru Carmelo Abela, id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar fost l-oħrajn.