Lokali

“Ma tistax tgħaddi dejjem tal-oppożizzjoni”

Wara s-seduta tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, Net News kellu l-opportunita’ li jistaqsi lil wieħed mill-membri parlamentari li jifforma parti minn dan il-kumitat għalfejn il-membri tal-Gver, Glen Beddingfield u Edward Zammit Lewis oġġezzjonaw li jixhed l-ewwel f’dan il-Kumitat, Charles Farrugia t-Tikka, il-ħabib ta’ Rosianne Cutajar li allegatament qasam magħha s-senserija.

Għall-mistoqsija ta’ Net News, il-Ministru Zammit Lewis dar mal-lewża u ma weġibx, minflok Zammit Lewis sostna li mhux dejjem għandha tgħaddi tal-Membri tal-Oppożizzjoni.

Dan wara li l-membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kumitat kienu qablu mal-ewwel mat-talba inizzjali tal-membri tal-Gvern li jittella’ jixhed il-Kummissarju għat-Taxxi Marvin Gaerty.. iżda talbu li jixhed l-ewwel sieħeb Rosianne Cutajar, Charles Farrugia.

Dan il-Kumitat qed jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler li fih kien sab lid-Deputat Laburista u eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħatja ta’ ksur ta’ etika.

Fl-ewwel laqgħa li fiha kien diskuss dan ir-rapport, kien ġie deċiż li dan jiġi ppubblikat.

Iżda fil-laqgħa ta’ wara, meta mitluba jieħdu l-vot tagħhom dwar dan ir-rapport, il-membri tal-Gvern ivvutaw kontrih filwaqt li l-membri tal-Oppożizzjoni approvawh. Kien għalhekk, li kellu jitfa’ l-casting vot tiegħu l-ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, li vvota mal-Gvern. Madankollu l-ispeaker qal li jrid li jsiru aktar investigazzjonijiet dwar il-każ ta’ Cutajar.

F’din l-aħħar laqgħa qam kjass sħiħ bejn il-membri… bl-ispeaker spiċċa jitlaq ‘il barra mill-Kumitat.
Issa, l-membri qed jistennew li jingħataw data ġdida għal-laqgħa li jmis.. madankollu ġimgħa wara, għadhom minħajr data, u mhux magħruf x’qed iżomm lill-Speaker Anglu Farrugia milli jsejjaħ laqgħa oħra ta’ dan il-Kumitat sabiex ikomplu l-investigazzjonijiet dwar ir-rapport fuq l-eks Segretarju Parlamentari u Deoutat Laburista, Rosianne Cutajar.

Tags