Lokali

Maltco Lotteries tippreżenta donazzjoni ta’ €50,000 lill-Fondazzjoni Responsible Gaming

Il-kumpanija Maltco Lotteries ippreżentat donazzjoni sabiħa ta’ €50,000 lill-Fondazzjoni Responsible Gaming bħala parti mill-kampanja tagħha għal logħob responsabbli għas-sena 2021 “Balance is the Name of the Game – Play Responsibly”.

Din id-donazzjoni ssir ta’ kull sena mill-Maltco… iżda f’dawn l-aħħar sentejn, minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, il-preżentazzjoni taċ-ċekkijiet waqt konferenza tal-aħbarijiet ma setgħux isiru. Kien għalhekk li l-kumpanija Maltco Lotteries għaddiet din id-donazzjoni lill-Fondazzjoni fil-bidu ta’ dan ix-xahar permezz ta’ Bank Transfer.

Il-Fondazzjoni Responsible Gaming saħqet li din il-kontribuzzjoni ser tintuża biex tippromwovi b’mod attiv u tpoġġi fil-prattika prinċipji ta’ logħob responsabbli, filwaqt li se tkun qed tipproteġi lil dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Il-Fondazzjoni qalet li l-kumpanija Maltco Lotteries tat ukoll l-appoġġ tagħha lil din il-Fondazzjoni fil-pjan ta’ kontinġenza li ġie mħejji matul il-kriżi tal- COVID-19 li laqtet ukoll dan is-settur.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries, Vasileios Kasiotakis tenna li hija l-missjoni tal-kumpanija li toffri esperjenza unika ta’ logħob vast iddisinjat speċifikament fuq prinċipji ta’ logħob responsabbli, u li joperaw f’ambjent sigur u fi ħdan ir-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus.

Tags