Internazzjonali

Niġerja: Jinħelsu għexieren ta’ nisa u tfal li kien ilhom il-ġimgħat maħtufa

L-awtoritajiet fil-majjistral tan-Niġerja rnexxielhom jeħilsu ‘il fuq minn 100 nisa u tfal ċkejknin li kienu nħatfu mill-briganti.

In-nies inkwistjoni, li kien jinkludi ħafna ommijiet, spiċċaw f’idejn il-briganti wara li kienu aggrediti fl-Istat ta’ Zamfara, fit-8 ta’ Ġunju li għadda. Fl-inċident kienu nqatlu wkoll numru ta’ nies, bid-dettalji jibqgħu xi ftit konfużi.  

Fl-aħħar sigħat, il-Gvern ta’ Zamfara qal li n-nisa u t-tfal inħelsu mingħajr ħlas ta’ rahan iżda s-sitwazzjoni ma kenitx għal kollox ċara. Dan waqt li l-nisa u t-tfal kienu għaddejjin mill-eżamijiet mediċi qabel setgħu jirritornaw lejn djarhom.

Ir-reġjun inkwistjoni hu magħruf għall-inċidenzi, fl-aħħar xhur, li kienu jinvolvu ħtif ta’ persuni. Filwaqt li ħafna mill-maħtufa laħqu nħelsu mill-gruppi armati wara li tħallsu s-somom ta’ flus mitluba kien hemm ukoll każi fejn xi persuni spiċċaw maqtula mill-istess nies li kienu ħatfuhom.