Lokali

Offiżi ta’ natura żgħira jitneħħew mill-kompetenza tal-Qrati tal-Maġistrati; jibdew jinstemgħu mill-Kummissarji għall-Ġustizzja

Waqt konferenża tal-aħbarijiet illi saret matul il-jum tal-Erbgħa, tħabbar li ser isiru bidliet fil-Kapitlu 9 tal-liġi ta’ Malta li jitratta l-liġi tal-kodiċi kriminali.

Dan il-proċess ta’ dipenalizzazzjoni ser iwassal sabiex offiżi ta’ natura żgħira ma jibqgħux jinstemaw quddiem il-Qrati tal-Maġistrati iżda jibdew jinstemgħu quddiem il-Kummisarji tal-Ġustizzja. Fost dawn ir-reati insibu kontravenzjonijiet li jaffettwaw l-paċi pubblika, persuni oħra, u/jew proprjetà ta’ ħaddieħor.

L-Imħallef u l-Kummissarju tal-liġijiet Antonio Mizzi saħaq li minħabba l-effetti tal-pandemija f’pajjiżna, għal żmien twil il-Qrati ta’ Malta ma kienux qegħdin jiffunzjonaw b’mod normali u għalhekk inħolqot problema kbira ta’ backlog fil-Qrati.

Dan wassal biex inħass il-bżonn li tittieħed din il-miżura li għandha sservi sabiex tisolvi din il-problema fil-Ġudikatura ta’ Malta.

Il-Kummisarju tal-Liġijiet tenna li dawn il-kontravenzzjonijiet ta’ natura żgħira li huma mniżżla fil-Kodiċi Kriminali ser jinġabru u sejrin jitneħħew mill-kompetenża tal-Qorti tal-Maġistrati u jmorru quddiem il-Kummisarji tal-Ġustizzja.

Antonio Mizzi sostna li filwaqt li dawn il-bidliet ser iservu sabiex jagħtu aktar poteri lill-Kumissarji tal-ġustizzja, permezz tagħhom ser tkompli tisaħħaħ l-effiċjenża tal-Qrati Maltin.