Lokali

Pajjiżna ma jistax jistenna 18-il xahar biex jerġa’ jkun fuq il-lista l-bajda tal-FATF – PN

Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech iġib lura lil Malta fuq il-lista bajda fi żmien tliet xhur

Għaliex min kisser ma jistax jirranġa, u m’għandux rieda politika għall-interess nazzjonali, il-Gvern ta’ Robert Abela jrid li joħroġ lil Pajjiżna mill-lista l-griża tal-FATF tmintax il-xahar oħra.

Robert Abela jrid jibqa’ ma jismax l-għajta tal-poplu u għaliex kien kompliċi f’Kabinett immexxi minn dak li ġie vvutat bħala l-ikbar korrott fid-dinja u jrid il-kontinwitá qiegħed ikompli jaħseb li l-grey-listing ser jgħaddi waħdu u ma jridx li nitkellmu wisq fuqu.

Robert Abela m’għandux fiduċja fil-Gvern tiegħu stess u għaliex irid jibqa’ jissuppervja jibqa’ ma jieħux azzjoni sabiex inaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna minkejja li jaf li kull ġurnata li qed nagħmlu fuq il-lista l-griża ser inpattuha b’nuqqas ta’ investiment barrani, investiment li tant ħdimna għalih bħala poplu sabiex bis-saħħa tiegħu pajjiżna kiber u kien l-għażla naturali ta’ ħafna. Bil-business as usual wasalna għall-grey listing u biex noħorġu minnha għandna
bżonn politika differenti.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tibqa’ ssostni li dan hu mument li jeħtieġ konsensus nazzjonali u terġa ssejjaħ sabiex jitwaqqaf Task Force Nazzjonali li tinvolvi esperti u politiċi sabiex twettaq it-tibdil meħtieġ, sabiex immedjatament il-Gvern jippubblika r-rapport dettaljat tal-FATF bl-action plan irakkomandat minnha u sabiex b’urġenza jitwaqqaf Kumitat Parlamentari sabiex janalizza s-sitwazzjoni u jipproponi triq ‘il quddiem.

Għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja f’Malta għal darb’oħra lest jilgħab rwol fundamentali f’dan il-mument, u għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista immexxi minn Bernard Grech, iġib lura lil Malta fuq il-lista bajda fi żmien tliet xhur sabiex ma jintilfux opportunitajiet għal investiment u għal impjiegi li setgħu nħolqu hawn imma ser jinħolqu band’oħra.
Il-Partit Nazzjonalista lest li jagħti hu l-kredibilitá li għandu nieqes il-Partit Laburista u flimkien mal-poplu hemm barra, qegħdin nagħtu lill-Gvern ċans biex jinża mis-suppervja u l-arroganza u għal darba jaġixxi fl-interess nazzjonali.