Futbol Sport

“Partita diffiċli iżda mhux impossibli” – Darren Abdilla

Lejliet il-partita mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, il-kowċ ta’ Gżira Darren Abdilla saħaq li għalkemm se tkun partita diffiċli, m’hijiex impossbili li Gżira joħorġu rebbieħa.

Mistoqsi minn Netsports dwar l-aħjar kwalitajiet tat-tim ta’ Gżira, Abdilla qal li l-għaqda tat-tim u l-identita’ fl-istil ta’ logħob li rnexxielhom jibnu bħala tim, mis-sena l-oħra l’hawn, qed ikunu fatturi mportanti fil-partiti tagħhom. Abdilla rrimarka li tattikament u tekinkament it-tim ta’ Gżira jinsab fuq livell għoli aktar minn snin preċedenti, fejn jinvolvu d-dipartimenti kollha meta jiġu biex jibnu l-attakki tagħhom.

Dwar l-avversarji Kroati Rijeca, Abdilla qal li huwa tim teknikament validissimu, veloċi fil-kontrattakk u jfittxu li jattakkaw malajr kif jirbħu l-ballun. Għalkemm huma fiżikament b’saħħithom bħal Sant Julia, Abdilla jemmen li huma t-tim superjuri għat-tim li affaċjaw fl-ewwel rawnd tal-Conference League.

Flimkien ma’ Abdilla, indirizza l-media ukoll il-goalkeeper ta’ esperjenza Justin Haber, li kien wieħed mill-plejers fir-rebħa memorabbli li kisbu Gżira barra minn darhom kontra Hayduk Split fl-2019, bl-iskor ta’ 3-1. Minkejja dan għal Haber il-partita ta’ għada hija logħba differenti fejn stqarr li t-tim jinsab preparat biex jagħti l-aħjar prestazzjoni tiegħu.

UEFA CONFERENCE LEAGUE

Għada: Gżira v Rijeca 8.00pm (Centenary Stadium)