Lokali Qorti

Sentenza ta’ ħames snin ħabs imnaqqsa b’sentejn fuq frodi ta’ ċekkijiet

Raġel li kien ikkundannat ħames snin ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati minħabba kompliċità fil-falsifikazzjoni taċ-ċekkijiet maħruġa lilu meta biegħ żewġ karozzi lil persuna nvolut fin-negozju tal-karozzi li ma jafx jaqra jew jikteb, kellu s-sentenza tiegħu mnaqqsa għal tliet snin priġunerija mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Dan wara li huwa radd lura l-flus li kien iffroda.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat, Josef Grech mir-Rabat, li kien waqqaf il-Fondazzjoni Dom Mintoff u kiteb il-biografija tiegħu, kien biegħ żewġ karozzi lil ċertu Victor Muscat, f’każ li fih sar appell kemm minn Grech kif ukoll mill-Avukat Ġenerali.

Muscat kien ħallas bi tliet ċekkijiet, iżda peress li ma kienx jaf jaqra jew jikteb, mela biss iċ-ċifri u ffirma ċ-ċekkijiet, mingħajr ma kiteb xejn. Irriżulta li ċekk għal €125 inbidel għal €12,500 qabel ma ġie msarraf. Żewġ ċekkijiet oħra ta’ €600 inbidlu għal €16,000 kull wieħed qabel ma ġew imsarrfa. Iċ-ċekkijiet kollha ssarrfu minn Grech, li minn naħa tiegħu ċaħad li għamel xi bidliet fihom.

Irriżulta lill-Qorti wara evidenza minn espert tal-kaligrafija, li l-kliem fuq iċ-ċekkijiet, kif ukoll iċ-ċifri addizzjonali, saru minn Doreen Spiteri, is-sieħba ta’ Grech. Spiteri, li llum hija mart Grech kienet għażlet li ma tixhedx wara li l-ewwel Qorti kienet ukoll wissietha li tista’ tiffaċċja proċeduri kriminali, kif fil-fatt ġara.

Fl-appell tiegħu quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti argumenta ukoll illi kellu jingħata piena anqas severa anke għaliex wara diversi “diżavventuri ġudizzjarji” qed jipprova jibni hajtu mill-gdid, sar imprenditur żgħir u qed jgħajjex familja żagħżugħa.

Il-Qorti qalet iżda li l-imputat ma ressaq l-ebda prova li hu qaleb jew almenu pprova jaqleb folja ġdida f’ħajtu u ghalhekk ma hemm ebda raġuni għaliex hija ghandha tagħmel eċċezzjoni għall-prassi stabbilita li bħala Qorti tal-Appell ma tiddisturbax id-diskrezzjoni tal-ewwel Qorti kwantu l-piena kominata sakemm ma jkun hemm xejn x’jiddimostra li din kellha tkun anqas jew aktar minn dik mogħtija.

Grech iddikjara li kien għamel tajjeb għall-ammont ta’ flus li huma dovuti lill-vittma iffrodat u dan ukoll wara diversi differimenti moghtija mill-Qorti lilu fuq talba tiegħu sabiex jħallas l-ammont in kwistjoni. Fis-seduta tal-1 ta’ Lulju, 2021 wiehed mill-eredi ta’ Victor Muscat, li miet waqt il-mori tal-kawża, u rappreżentant tagħhom kollha, Noel Muscat, iddikjara li l-ammont in kwistjoni kien finalment tħallas u li l-eredi ma kellhom l-ebda pretensjoni oħra kontra Grech.

Marbuta ma’ din l-ahhar konsiderazzjoni l-Qorti intalbet ukoll tqis id-dikjarazzjoni magħmula minn Doreen Farrugia Grech, li llum hija miżżewġa lill-imputat, u li hija l-istess Doreen Spiteri msemmija fil-kawża u li ddikjarat li kienet hi li għamlet kollox waħidha u dan ammettietu fi proċeduri kriminali kontriha.

F’dawk il-proceduri Doreen Spiteri kienet misjuba ħatja wara ammmissjoni tagħha stess tal-istess reati li kienu nħarġu kontra dak li llum huwa żewġha.  Il-Qorti qalet li hija ikkonsidrat biss l-ħlas tal-ammont frodat bħala motivazzjon. Il-fatt illi Doreen Spiteri, issa ammettiet li kienet hi responsabbli minn dan kollu.

Grech ma nstabx ħati ta’ falsifikazzjoni iżda ħati ta’ kompliċità fil-falsifikazzjoni taċ-ċekkijiet. Minbarra t-tliet snin ħabs effettivi, l-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza mill-Ewwel Qorti, dik li sentenza sospiża ta’ tmien xhur ħabs imposta fuq Grech għal reat simili tibqa’ effettiva.